L-attur lokali Kevin De Leonardo qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali b’tifkira ta’ ommu Lucy, li kieku llum kienet tkun qed tiċċelebra għeluq is-77 sena tagħha. Kevin stqarr li kieku ommu għadha magħhom, hu u ħutu kienu jieħduha tiekol wieħed mill-aktar affarijiet li kienet tħobb – seafood platter tajjeb.
"Ma, illum suppost għalaqt 77 sena. Kieku jien u ħuti ħadniek tiekol xi seafood platter tajjeb għax kien l-ikel favorit tiegħek," kiteb l-attur. Minkejja n-nuqqas tagħha, Kevin qal li hu u ħutu xorta waħda jiċċelebraw il-memorja tagħha u, fuq kollox, dak kollu li għamlet magħhom u għalihom tul ħajjitha.
"Awguri mill-qalb Lucy," kompla Kevin, qabel żied ħsieb mill-isbaħ dwar kif jixtieq jimmaġinaha llum, "Xorta nemmen li qiegħda tidħaq u tiżfen ma’ xi ħadd hemm fuq!" Kliem li juri kemm il-memorja ta’ persuna għażiża tibqa’ ħajja permezz tal-mumenti, id-drawwiet u t-tifkiriet sbieħ li tkun ħalliet warajha.
Kevin temm it-tislima tiegħu lejn ommu bi kliem sempliċi iżda mimli sentiment, "Inħobbuk għal dejjem." Ħsiebna f’Kevin u l-familja tiegħu f’din il-ġurnata li żgur iġġib magħha ħafna memorji sbieħ ta’ ommhom Lucy.
Facebook / Kevin De Leonardo