L-attriċi u preżentatriċi Marica Cassar twieldet fil-5 ta’ Ġunju tal-1969. Ta’ tlettax-il sena bdiet it-taħriġ tagħha fl-arti drammatika fl-akkademja tat-Teatru Manoel. Nafuha bla dubju fuq it-televiżjoni wkoll l-aktar bil-karattri ta’ Giannina fuq One Star Hotel u Sandra waqt Santa Monika.
Marica kienet waħda mill-mistiedna fuq Kellymni fil-ġimgħat li għaddew fejn kienet tkellmet dwar il-vjaġġ ta’ ħajjitha. Wieħed jista’ jsegwi dan l-episodju hawn taħt!
Studjat fl-Università ta’ Malta dwar iż-żgħażagħ u l-komunità u aktar tard speċjalizzat barra minn Malta fi drama therapy u studju speċjalizzat fuq motivazzjoni u għarfien lejn il-pożittiv fil-ħajja ta’ kuljum u l-iżvilupp personali.
Eventwalment ingħaqdet ma’ Caritas Malta bħala l-Kelliema tal-Entità (PRO) u Fundraiser. Mal-istess organizzazzjoni fi ħdan il-Knisja tagħmel xogħol ta’ drama therapy fil-komunitajiet terapewtiċi residenzjali li għandha Caritas Malta kontra l-abbuż tad-droga.
Il-volontarjat għandu parti importanti fil-ħajja tagħha u matul ħajjitha ddedikat ħinijiet twal taħdem id f’id ma’ dawk l-aktar vulnerabbli u emarġinati tas-soċjetà
F’isem it-tim tagħna nawgurawlha l-isbaħ xewqat, nittamaw li jkollha jum mimli b’dak kollu li tixtieq qalbha u sena mimlija avventura mill-isbaħ, b’ħafna saħħa, paċi u kuntentizza.
Facebook/ Marica Cassar