“Urejtna X’Inhi L-Imħabba Vera Ta’ Annimal” – Tislima Emozzjonanti Minn Danita Li Ħabbret Il-Mewta Ta’ Buddy

Mument ta’ emozzjoni kbira għal Danita Camilleri, magħrufa bħala One Chick and a Yorkie, hekk kif qasmet messaġġ mill-qalb dwar il-kelb għażiż tagħha, Bud.

Fuq il-midja soċjali, Danita kitbet kliem mimli mħabba u gratitudni, fejn fakkret kemm Bud kien parti integrali minn ħajjitha tul is-snin. Hija qalet: “Grazzi ta’ l-imħabba kbira, inħoss li kellek ħajja sabiħa mmens.”

Danita fakkret kif Bud kien preżenti f’kull stadju importanti ta’ ħajjitha – mill-ftuħ tal-ħanut tagħha, għaż-żwieġ tagħha, u anke fil-mumenti diffiċli li kellha tgħaddi minnhom. “Kull pass kont hemm miegħi… mumenti koroħ dejjem kont ma ġenbi,” kitbet.

Hi semmiet ukoll kif Bud kien parti mill-bidu tal-vjaġġ tagħha fil-blogging, fejn deher f’kull ritratt u kien akkumpanjaha fil-ħidma tagħha ta’ kuljum.

Il-messaġġ kompla juri r-rabta speċjali bejn Bud u l-familja tagħha, speċjalment mat-tifel tagħha Lenny. “Ħabbejt lil Lenny, daħaktu, gdimtu u lagħbt miegħu kemm stajt sakemm is-saħħa ma baqatx tatik,” kitbet, kliem li juri kemm kienet profonda din ir-relazzjoni.

Danita rrakkontat ukoll kif Bud kien dejjem magħhom – mix-xogħol sal-ħarġiet, picnics u ġranet il-baħar, dejjem preżenti u parti minn kull memorja sabiħa li ħolqu flimkien.

Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, hija esprimiet id-diffikultà tal-mument li qed tgħix bħalissa, hekk kif Bud qed ibati: “Għamilna li stajna pero issa qiegħed tbati.”

B’qalb tqila, hija temmet b’tislima mimlija gratitudni: “Grazzi ta’ l-imħabba tiegħek Bud, grazzi ta’ kemm tajtna memorji sbieħ u grazzi talli urejtna verament x’inhi l-imħabba speċjali ta’ animal.”

Messaġġ li bla dubju mess il-qlub ta’ ħafna segwaċi tagħha, u jfakkarna fir-rabta unika u profonda li tista’ tinħoloq bejn il-bniedem u l-annimali tiegħu.







Ritratti:

Instagram / One Chick And A Yorkie

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI