Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, St. Julian’s Malta sellmu l-memorja tal-President Emeritu Ċensu Tabone li miet 14-il sena ilu.
Qalu, “Illum ukoll insellmu l-memorja tal-President Emeritu Ċensu Tabone li miet 14-il sena ilu (14 ta’ Marzu 2012). Ċensu Tabone kien persunaġġ magħruf sew mal-Ġiljaniżi, infatti l-President Emeritus għex f’San Ġiljan għal ħafna żmien. Hu kien jgħix fiTriq il-Karmnu u d-dar tiegħu hija fost l-ewwel binjiet li nbnew f’dawk l-inħawi.”
Żiedu, “Ċensu Tabone twieled fit-30 ta’ Marzu 1913, fir-Rabat Għawdex u kien l-iżgħar fost għaxar ulied. Missieru kien l-ewwel tabib Malti li studja fl-Ingilterra u serva bħala tabib distrettwali f’Għawdex. Miet għall-għarrieda fl-età ta’ 59 sena. Sentejn wara, meta kellu 11-il sena, Ċensu Tabone niżel Malta biex jieħu l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi. Fl-1933 iggradwa bħala spiżjar u tabib tal-mediċina fl-1937. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Ċensu Tabone serva ta’ Uffiċjal Mediku mar-Royal Malta Artillery.”
Qalu wkoll, “Fl-1948, Tabone tqabbad jissuperviżjonizza l-kampanja kontra t-trakoma. Bl-isforzi tiegħu, din il-marda nqerdet għal kollox minn Għawdex. Huwa tqabbad mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jorganizza kampanji simili fit-Tajwan, l-Indonesja u l-Iraq. Huwa għen biex fl-1954 titwaqqaf l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta, li wara sar il-president onorarju tagħha. Ċensu Tabone ħadem ukoll fil-qasam politiku u kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali meta kellu 50 sena, fl-1962. Għal ħafna snin kien membru parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista. Fl-4 ta’ April 1989 inħatar President ta’Malta u baqa jokkupa din il-kariga sal-1994. Ċensu Tabone kien miżżewweġ lil Maria Wirth u żżewwġu fit-23 ta’ Novembru 1941. L-attur Malti ta’ Hollywood Joseph Calleia kien prim kuġin tiegħu. Fl-4 ta’ Diċembru 2014, ġie inawgurat monument f’ġieħu fil-pjazza tal-Balluta f’ San Ġiljan (ritratt).”
Facebook/Alex Perici Calascione