Omm Faith u Theo qasmet messaġġ profond fuq il-paġna tagħha, li jurina kemm verament għandha mħabba kbira lejn uliedha.
Hi qalet, “Illum xtaqt naqsam magħkom xi ħaġa li jekk ma tesperjenzahiex, diffiċli tifhimha. Seba’ snin ilu, qabel ma twieldet Faith, jien ukoll ma kontx nifhem xi tfisser li tkun taf persuna li għandha Down Syndome mill-qrib, jew imqar li tiltaqa’ u tqatta’ ftit ħin ma’ xi ħadd li għandu Down Syndrome. Illum inħossni mod ieħor. Ħa ngħiduha kif inhi, ma kellix għażla, imma li nqum fuq saqajja u nsir naf il-kundizzjoni mill-viċin biex f’Faith ma narax il-kundizzjoni iżda nara tifla, filwaqt li nagħraf il-bżonnijiet tagħha li huma riżultat tal-kundizzjoni.”
Hi żiedet tgħid li persuna li għandha lil xi ħadd bid-Down Syndrome f’ħajjitha, hija persuna xxurtjatha, għaliex ikollha ħabib jew ħabiba ġenwina li se tagħtiha mħabba kbira. Titgħallem ukoll valuri essenzjali bħall-empatija.
Qalet ukoll, “Titgħallem tisma’ u tifhem il-kliem li ma jiġix imlissen, titgħallem tisma’ l-qalb tal-persuna minflok. X’hemm isbaħ milli persuna tkun kapaċi tħares fil-profond tal-qalb minflok teħel ma’ dak li hu fuq barra biss?”
Hi spiċċat kliemha billi ħeġġet lill-ġenituri biex meta t-tfal tagħhom jaraw xi persuna bid-Downs, jew bi kwalunkwe diżabilita`u forsi jiċċassaw lejhom, ma jgħidulhomx biex ma jħarsux, iżda jħeġġuhom biex ikellmuhom u jinkluduhom.
Facebook / Up & Up With Faith