F’dibattitu li tqanqal waqt AWLA fejn matulu ġew diskussi ċ-ċajt u l-kummiedja f’pajjiżna, l-attur komiku Narcy Calamatta fisser kif fost l-udjenza Maltija hawn għatx kbir għall-kummiedja u dan għaliex “għal kulħadd m’hemm xejn isbaħ minn daħka”.
Narcy semma kif b’mod speċjali fis-snin riċenti aħbarijiet negattivi relatati mal-politika kultant jinstigaw sens ta’ negattività u kien għalhekk li appella lil kulħadd sabiex kull filgħodu jtajjar kull ħsieb minn moħħu u jaħseb biss kif se jnissel tbissima fost dawk ta’ madwaru.
Irrefera għal programm li kien jagħmel snin ilu fejn għadd ta’ persuni kienu jirrakkontaw iċ-ċajt fih. Isemmi b’mod partikolari inizjattiva li kien ħa sabiex iżur il-Hospice fejn hemmhekk kien jiltaqa’ ma’ persuni li sfortunatament kienu qed jgħixu l-aħħar ftit mumenti ta’ ħajjithom.
Spjega kif meta kien iżur lil dawn il-persuni kien jistaqsihom sabiex jirrakkontaw l-iżjed darba li qatt daħku matul ħajjithom. Narcy jistqarr li dawn il-persuni kienu jkunu entużjasti ferm sabiex jaqsmu dawn iċ-ċajt ħalli ħaddieħor ukoll jitbissem.
Facebook / AWLA u Joseph Portelli