Sittin siġra tħawlu f’Milbrae Grove, il-Mosta, mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera, bħala rikonoxximent tal-kumpaniji li pparteċipaw fl-Energy & Water Sustainability Award, parti mill-Malta Engineering Excellence Awards 2025.

Din hija s-sitt sena konsekuttiva li l-EWA qed tisponsorja dan il-premju, li jirrikonoxxi intrapriżi li jimplimentaw proġetti b’impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza tal-enerġija u tal-ilma. Għall-2025, ir-rebbieħ kien Multigas Ltd, b’upgrade tas-sistema tal-cooling li wassal għal tnaqqis ta’ 10% fil-konsum tal-enerġija u aktar minn 85% ffrankar tal-ilma, b’ritorn fuq l-investiment f’22 xahar. Baxter Ltd u Hilton Malta ġew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

B’kollox ġew sottomessi 28 nominazzjoni, li juru interess dejjem jikber fis-sostenibbiltà fost in-negozji lokali. Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li s-sostenibbiltà hija proċess gradwali u ħeġġet aktar kumpaniji jadottaw prattiċi effiċjenti għal futur aktar nadif.

Rappreżentanti tal-EWA u tal-Kamra tal-Inġiniera esprimew sodisfazzjon bis-suċċess tal-edizzjoni ta’ din is-sena u enfasizzaw l-importanza ta’ ġestjoni responsabbli tar-riżorsi f’Malta. Huma sostnew ukoll li inizjattivi bħal din, inkluż it-tħawwil tas-siġar, jikkontribwixxu b’mod konkret għall-ambjent u għall-impenn nazzjonali lejn sostenibbiltà u reżiljenza.