Għalkemm ħafna minna trabbejna nafu li r-rebbiegħa tibda fil-21 ta’ Marzu, ir-realtà hi ftit differenti… u xi ftit iktar interessanti wkoll.
Fil-fatt, din is-sena 2026, ir-rebbiegħa bdiet mil-lum stess – l-20 ta’ Marzu fil-15:46 (ħin lokali). Dan jiġri minħabba l-mod kif jaħdmu s-snin biżistili (leap years), li jaffettwaw il-kalendarju u jċaqalqu ftit id-dati tal-istaġuni minn sena għal oħra. Dan il-mument huwa magħruf bħala l-ekwinozju tar-rebbiegħa – meta l-ġurnata u l-lejl ikunu kważi tal-istess tul. Minn hawn ‘il quddiem, il-ġranet jibdew jitwalu, ix-xemx tibqa’ aktar fis-sema, u l-burdata tinbidel ftit ftit u ssir iktar allegra… hekk kif jibdew joqorbu l-ġranet sbieħ xemxin.
Iżda mhux hekk biss! Dan il-mument kien importanti ħafna anke għal dawk ta’ qabilna. Sa minn żmien il-preistorja, nies li għexu f’Malta kienu jsegwu dawn il-bidliet b’attenzjoni kbira. Fil-fatt, fit-tempji megalitiċi bħal Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ix-xemx titla’ b’mod perfett allinjat ma’ dawn il-ġranet speċjali, bħall-ekwinozji u s-solstizji. Dan juri kemm kienu konnessi man-natura u l-moviment tax-xemx.
Illum, veru li ma noqogħdux nistennew ix-xemx titla’ bejn il-ġebel tat-tempji… imma xorta nħossu l-bidla: temp iktar sħun, fjuri jiftħu kullimkien, u ġranet li jistednuna noħorġu aktar. U għal min diġà qed jaħseb fis-sajf… ejja ngħidu li t-triq għalih tibda proprju minn hawn.
Facebook/ Maltese Islands Weather