“Irċevejt Ħafna Messaġġi Personali Minn Nies Li, Permezz Tal-Kanzunetta, Bdew Jirriflettu Fuq Relazzjonijiet Ma’ Nies Viċin Tagħhom” – Daniel Cauchi

Daniel Cauchi

Daniel Cauchi klassifika fit-tieni post tas-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li proprju seħħet f’Marzu li għadda. Il-paġna tagħna ta’ Gwida.mt tkellmet mal-kantant lokali dwar il-messaġġ li xtaq iwassal u aktar. Daniel ipparteċipa fil-festival lokali bil-kanzunetta Niftakarna, kliem ta’ Michael Spagnol u mużika ta’ Chris Gatt, Robert Spiteri, u tiegħu stess.

X’kienu l-ispirazzjonijiet ewlenin għall-kanzunetta ‘Niftakarna’?

L-ispirazzjonijiet ewlenin għal Niftakarna ġejjin minn ommi, imma wkoll minn ħafna nies viċin tiegħi li qed jgħaddu mill-istess esperjenza ma’ qrabathom.

Il-kanzunetta titratta l-memorji,  jew aħjar, it-telf tal-memorja; u kif, minkejja kollox, nibqgħu nżommu ħajjin il-memorji ta’ dawk li sfortunatament bdew jitilfuhom. Hija wkoll kanzunetta dwar kif inkunu ta’ wens għal min qed jgħix b’dawn il-kundizzjonijiet.

Mhux sigriet li ‘Niftakarna’ laqtet lil ħafna u emozzjonathom – hemm xi kummenti jew messaġġi/ rakkonti partikolari li rċevejt, u li tant apprezzajt u fissru għalik?

Waħda mill-aktar affarijiet li laqtuni kien kemm nies ħassew li jistgħu jiftħu qalbhom miegħi dwar sitwazzjonijiet li għaddejjin minnhom. Irċevejt ħafna messaġġi personali minn nies li, permezz tal-kanzunetta, bdew jirriflettu fuq relazzjonijiet ma’ nies viċin tagħhom li qed jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Fost dawn il-ħafna kummenti wieħed mill-aktar li baqa miegħu hu ta’ persuna li rrealizzat li hemm affarijiet mhux solvuti ma’ ommha li llum ma jistgħux jiġu indirizzati, għax hi nsiethom… imma hu għadu jżommhom ġo fih. Qawwija ħafna.

U mbagħad kien hemm ukoll nies li, minkejja li m’għandhom lil ħadd f’din is-sitwazzjoni, l-kanzunetta ġegħlithom jieqfu u jaħsbu “x’jiġri kieku…?”. Dik ukoll għalija kienet reazzjoni sabiħa ħafna.



L-ispirazzjoni u eventwalment l-emozzjonijiet li kien hemm waqt il-filmat mużikali flimkien ma’ Joe u Veronica – x’tirrakkuntalna dwar dan?



Għall-filmat mużikali, ħsibna f’idea fejn koppja ssib ruħha f’esebizzjoni ta’ ritratti ta’ ħajjithom. Waħda mill-persuni tkun bdiet titlef il-memorja, u b’hekk tirrifletti l-ħsieb wara l-kanzunetta.

Ridna li din il-koppja tkun reali, u hemmhekk daħlu Veronica u Joe. Anke ridna nagħtuhom element ta’ sorpriża. Meta ltqajna ma’ Veronica biex nispjegaw l-idea, qaltilna li kienet se tkellem lil Joe għax hu jħobb jorganizza r-ritratti tagħhom… iżda meta ċemplilna biex immorru għalihom, kien nesa. Allura Veronica qabdet skoss ritratti minn cupboard, mingħajr ma kienet taf eżatt x’qed tagħtina.

Meta waslu fit-Teatru Salesjan, għal filming, ma daħħalniehomx fis-sala mill-ewwel.. marru backstage biex jagħmlu l-make-up. Sadanittant, jien kont qed niġbed ix-xeni tiegħi, u huma bdew jisimgħu l-kanzunetta u diġà bdew jitqanqlu emozzjonalment.

Meta kienu lesti, daħħalniehom fis-sala u tajniehom is-sorpriża: l-esibizzjoni ta’ ħajjithom mdendla mis-saqaf. Peress li lanqas huma ma kienu jafu eżatt x’ritratti tawna, bdew jiftakru f’memorji u jirrakkontaw stejjer… u spiċċajna kulħadd inewwaħ.



Rajniek kemm-il darba tkanta bil-lingwa Maltija – Xi tfisser għalik il-lingwa tagħna?

Il-lingwa Maltija tfisser ħafna għalija, u nħobb ħafna il-mużika bil-Malti. Dejjem kelli ġibda kbira lejn il-kanzunetta Maltija, tant li bnejt kollezzjoni sħiħa ta’ long plays ta’ klassiċi Maltin li kont insib minn car boot sales, djar antiki u minn kull fejn nista’.

Apparti minn hekk sa issa irrekordjajt tliet albums bil-Malti: Ftakar u Xehda mal-Big Band Brothers, u Lukanda Propaganda ma’ Kafena, apparti numru ta’ kanzunetti oħra.

Tellajna wkoll ħafna produzzjonijiet bil-Malti fosthom sensiela ta’ kunċerti ta’ Kelma Kelma Nota Nota u Ftakar.

X’għandna nistennew minn Daniel issa wara Mużika Mużika?

L-istess affarijiet li kont nagħmel qabel.. forsi issa bi ftit aktar popolarita’. Se nibqa’ noħroġ mużika bil-Malti, nipproduċi kunċerti u naħdem fuq id-direzzjoni artistika ta’ diversi proġetti, fosthom Minn Pjazza għal Pjazza, Notte Bianca (flimkien ma’ Yanis u Rodney), Kuraġġ, u diversi proġetti edukattivi, fost oħrajn.

Messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-pubbliku u dawk kollha li appoġġjawk tul dan il-vjaġġ.

Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil kull min bgħatli jew waqqafni biex jifraħli bis-suċċess ta’ Niftakarna, jew qasam xi esperjenza personali miegħi. L-appoġġ li rċevejt qatt ma kont qed nistennih.

Grazzi wkoll lil grupp ta’ ħbieb tiegħi li kienu parti minn dan il-vjaġġ u għenuni nwassal din il-kanzunetta.

Nawgura lil kulħadd li jiskopri aktar mużika bil-Malti.. mhux biss dik li tinstema’ fuq ir-radju jew tidher fuq il-palk, imma wkoll dik il-mużika sabiħa li hawn u li forsi ma tieħux daqshekk viżibilità.

Grazzi ħafna tal-ħin tiegħek Daniel, Prosit ta’ kollox, u minn qalbna nawgurawlek aktar suċċessi fil-karriera mużikali!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI