Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Kevin Curmi li tkellem dwar esperjenza diffiċli u tal-qsim il-qalb li għadda minnha.
Beda billi qal, “Is-sena 2019 nibqgħu niftakruha. Kienet sajjetta fil-bnazzi meta t-tifel Jake, qabel għeluq il-ħames sena tiegħu, ġie diagnosed bil-marda tal-lukimja. Dħalna l-isptar bih u ma ħriġniex. Wara tliet xhur spiċċajna l-Ingilterra u qattajna sena miegħu hemmhekk. Kif inżilna minn hemm, tfaċċat il-Covid, li xejn ma għenet.”
Ħied jgħid, “Minbarra lil Jake, għandna żewġt itfal oħra, Jerome u Christine. Jerome kien a perfect match ma’ Jake meta ġew biex jagħmlulu l-bone marrow. Żammha għal ftit xhur, u meta ġejna għat-tieni bone marrow, din ma rnexxietx. L-isptar qalulna gawduh. Ġejna Malta u l-kumplament ta’ ħajtu għamilnieh f’Rainbow Ward. Jake għadda minn tbatija kbira, u miegħu batiet il-familja.”
Qal ukoll, “Għalkemm tlifna lil Jake, xorta waħda nfittxu li naħdmu u ngħinu lil min għaddej minn esperjenzi simili bħalma kellha l-familja tiegħi. Ma tistax tagħlaq għajnejk u ma tagħtix kas. Nibqa’ f’saħħti għax hemm iż-żewġt itfal l-oħra, imma lil Jake ma nistgħux ninsewh. Meta nsiefru nieħdu magħna l-passaport tiegħu u meta niktbu card lil xi ħadd, isem Jake ikun hemm mal-ismijiet tal-kumplament tal-familja. Nemmen li s-saħħa jagħtihielek il-Bambin. Għamilna minn kollox mat-tifel u m’għandniex rimors. Nimmaġina li Jake qiegħed hemm fuq u li qed jarani naħdem għall-familja, inżomm lil ħutu kuntenti u naħdem għal tfal oħra li bħalu għaddejjin minn mard simili. Sakemm kien magħna gawdejnieh u tgħallimna mingħandu.”