MaltaPost ħabbret li t-tqassim tal-posta għal-lum ġie sospiż b’effett immedjat minħabba l-kundizzjonijiet estremi tat-temp li qed jolqtu lil Malta bħalissa.
Fi stqarrija li ppubblikat, il-kumpanija spjegat li din id-deċiżjoni ttieħdet skont direttiva maħruġa mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u fl-interess tas-sigurtà tal-impjegati tagħha li jaħdmu fit-toroq u f’kundizzjonijiet esposti għat-temp.
MaltaPost indikat li s-servizzi tat-tqassim jerġgħu jibdew hekk kif jitneħħew l-avviżi uffiċjali tat-temp mill-awtoritajiet kompetenti. Il-kumpanija rringrazzjat lill-klijenti tagħha għall-kooperazzjoni u l-fehim tagħhom f’din is-sitwazzjoni.
Aktar aġġornamenti dwar il-bidu mill-ġdid tas-servizzi mistennija jitħabbru hekk kif is-sitwazzjoni tat-temp titjieb.