"Iva Jien Malti… Le M'Aħniex Ħanut Tal-Ħobż 'Malti'" – Il-Furnar Malti F'Edinbera Jwieġeb Mistoqsijiet Li Rċieva

Hobz huwa forn li jispeċjalizza fil-ħobż magħmul mill-qamħ naturali fir-Renju Unit, immexxi minn furnar Malti. Wara li fl-aħħar jiem kien hemm bosta kummenti, u anke hu rċieva xi mistoqsijiet, xtaq jikjarifika.

“Iva, jien Malti. Trabbejt hemm, il-familja tiegħi għadha Malta. Ilni ngħix fir-Renju Unit għal dawn l-aħħar 5 snin… Le, m’aħniex ħanut tal-ħobż “Malti”. Aħna biss ħanut tal-ħobż. Nieħdu ispirazzjoni mid-Danimarka, l-Istati Uniti, mill-ħmira klassika Franċiża u Taljana, u ħmira Skoċċiża lokali. Għadna qed niffurmaw identità kreattiva.”

Hu jisħaq li l-ħobż Malti għandu ħafna tajjeb u fih karatteristiċi ta’ min ifaħħarhom, iżda kiteb ukoll, “il-ħobż ‘Malti’ mhuwiex ‘l-aqwa fid-dinja’ bħalma jaħsbu ħafna.” 

Iżid, “Il-ħobż kollu kien jixbah ħafna lill-ħobż Malti qabel is-seklu 20.” Jitkellem dwar il-fatt li hawn min iqis il-ħobż Malti bħala “tajjeb”, u kwalunkwe ħobż ieħor “ħażin.” Hu jikteb, “Iva, żgur li għad hemm furnara ta’ veru f’Malta jagħmlu ħobż bnin (bħal f’Ħal Qormi) u qed jagħmlu xogħol inkredibbli, imma għax ħafna nies mhux se jonfqu aktar minn €1 fuq ħobż, dawn il-furnara ta’ veru – dawk li għadhom jimpurtahom mis-sengħa tagħhom – eventwalment se jbatu.”

Hu jkompli jikteb li, “Il-ħobż li nagħmel ġewwa Hobz huwa dak li jien u mijiet ta’ furnara artiġjanali oħra tar-Renju Unit naħsbu li huwa l-futur tal-ħobż: b’ħmira naturali…”

Matthew jikjarifika, “Il-punt tiegħi hu: jekk jogħġbok tiġix għand Hobz u tkun diżappuntat jew irrabjat li aħna ma nagħmlux ‘il-ħobż tradizzjonali Malti’ – jew aħjar, idea korrotta ta’ x’inhu dan il-ħobż. Aħna, u mijiet ta’ furnara artiġjanali oħra fir-Renju Unit, nagħmlu xi ħaġa ferm aħjar. Xi ħaġa ferm aktar sana…”

Il-furnar Malti f’intervisti li kellu, kien spjega li fetaħ in-negozju f’Jannar tal-2021 billi ħa ordnijiet mingħand nies tal-lokal, qabel eventwalment fetaħ il-ħanut tiegħu stess is-sena l-oħra. Qed iħares ‘il quddiem għas-snin li ġejjin, u ta x’jifhem “pjanijiet kbar” għall-futur.







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI