Janice Mangion Tniedi L-Kanzunetta Ġdida Tagħha ‘Ammen’ Fl-Album Li Ħareġ Illum Bl-Isem ‘Kewkba Fl-Univers’

Il-kantanta Maltija Janice Mangion nediet l-ewwel album tagħha Kewkba fl-Univers, proġett mużikali li jiġbor flimkien 14-il kanzunetta li jirrappreżentaw kapitli differenti tal-vjaġġ artistiku tagħha tul is-snin. L-album jinkludi 12-il kanzunetta li diġà ġew ippubblikati matul il-karriera tagħha, flimkien ma’ verżjoni ġdida tal-kanzunetta Univers li biha waslet sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2026.

Fost il-kanzunetti fl-album hemm ukoll Ammen, kanzunetta ġdida li qed tingħata importanza partikolari f’dan il-proġett. Il-kanzunetta nkitbet minn Peter Borg, Joe Roscoe u Emil Calleja Bayliss, u ndaqqet għall-ewwel darba b’mod esklussiv fuq VIBE FM.



Matul il-karriera tagħha, Mangion ħadmet ma’ diversi kompożituri u awturi li ħallew il-marka tagħhom fuq il-mużika tagħha. F’dan l-album wieħed isib diversi xogħlijiet ta’ Mark Scicluna, Cyprian Cassar u Emil Calleja Bayliss li ħadmu mal-artista lokali diversi drabi. Iżda mhux biss, fih ukoll xogħol ta’ Heathcliffe Balzan, Rita Pace u Deo Grech, kif ukoll kitba tal-istess Mangion.



Il-kantanta qalet li dan l-album ilu jimmatura għal żmien twil u jirrappreżenta diversi stadji tal-vjaġġ tagħha bħala artista u bħala persuna. “Dawn il-kanzunetti jirrappreżentaw stadji differenti tal-vjaġġ tiegħi bħala artista u bħala persuna. Xi wħud minnhom ilhom snin jgħixu mal-pubbliku, u oħrajn qed jaraw id-dawl għall-ewwel darba. Flimkien jiffurmaw dak li jiena qiegħda nsejjaħ l-univers mużikali tiegħi,” qalet Mangion.

Il-maniġer tagħha, Marc Calleja Bayliss, spjega li l-album huwa pass naturali fil-karriera tagħha. “Matul is-snin rajna kanzunetti differenti li bnew l-identità artistika ta’ Janice. Kewkba fl-Univers kien mod naturali biex dawn il-kanzunetti jinġabru flimkien fi proġett wieħed li jirrappreżenta l-vjaġġ tagħha,” qal.



L-album Kewkba fl-Univers issa huwa disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin permezz tad-distribuzzjoni ta’ CAP-Sounds.

Ritratti:

Edward De Gabriele

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI