L-artist Malti bbażat f’Londra Luke Vella ħabbar li se jkun qed joħroġ l-EP il-ġdid tiegħu My Divine Chaos, proġett mużikali li, skontu, huwa mibni fuq trasformazzjoni, kontradizzjonijiet u l-għażla li persuna ma tibqax tikkritika lilha nnifisha.
Luke jiddeskrivi l-istil tiegħu bħala “sultry dance pop”, mużika li mhux biss iġġiegħlek tiċċaqlaq iżda wkoll tħalli impatt emozzjonali. Il-kanzunetti tiegħu huma mibnija fuq storja personali u onestà, filwaqt li jesprimu sens qawwi ta’ identità.
Il-vjaġġ artistiku tiegħu beda minn età żgħira, fejn kien attratt lejn il-palk u l-arti performattiva bħala spazju sigur biex jesprimi ruħu. Huwa tħarreġ fil-musical theatre u matul is-snin bena karriera li wasslitu għal produzzjonijiet fuq il-West End, tours internazzjonali u anke feature films, qabel ma beda jiffoka aktar fuq il-kitba u l-produzzjoni tal-mużika tiegħu stess.
It-titlu tal-EP My Divine Chaos jirrifletti l-idea ta’ Luke li ħafna drabi l-kaos huwa l-bidu tat-tkabbir personali. Huwa jispjega li dan il-proġett jinkludi ħsibijiet u emozzjonijiet li qabel kien irażżan biex jipproteġi lil oħrajn jew li ma kienx dejjem iħossu komdu jesprimihom. Issa, dawn saru parti minn proġett li jdur madwar l-onestà, il-kreattività u l-aċċettazzjoni tal-identità tiegħu, inkluża l-queerness tiegħu.
Il-kanzunetta ewlenija tal-EP hija Coronation, track elettroniku dance-pop b’bass qawwi li jibda b’versi aktar introspettivi u mbagħad jiżviluppa f’partijiet vokali aktar qawwija. Il-kanzunetta tinkludi wkoll passaġġ mitkellem bil-Malti, li jindirizza temi ta’ percezzjoni u identità.
Ispirata mill-istil ta’ artisti bħal The Weeknd, Anitta u Madison Beer, Coronation tesplora r-realizzazzjoni li ħafna drabi n-nies jarawk skont l-opinjonijiet li diġà jkunu ffurmaw dwarek, iżda fl-aħħar tibdel din il-perspettiva f’dikjarazzjoni ta’ self-rule u empowerment.
L-EP My Divine Chaos ġie mniedi llum 6 ta’ Marzu 2026, bil-kanzunetta Coronation disponibbli fuq il-pjattaformi ewlenin tal-streaming bħal Spotify.