Ilbieraħ seħħet serata b’risq Jasmine’s Journey, hekk kif apparti l-attendenza numeruża ġewwa Quad, l-Imrieħel, u l-ispettaklu minn kantanti lokali, inġabret somma mill-isbaħ. Somma li ħa tgħin lil Jasmine tkompli bit-terapija tagħha u biex tkompli l-progress tagħha.
“‘Lejla Waħda, Elf Tama’ ma kinitx biss titlu jew tema – kienet esperjenza li mbuttatna, għaqqditna b’għan wieħed, u mliet il-lejl bit-tama, l-imħabba, u d-determinazzjoni. Bis-saħħa tal-ġenerożità u l-appoġġ inkredibbli tagħkom, irnexxielna niġbru aktar minn €25,000!”
Il-ġenituri ta’ Jasmine ikomplu jiktbu, “Kull ċenteżmu se jmur direttament lejn Jasmine’s Journey, biex jiffinanzja t-terapiji u t-trattamenti li jibdlu ħajjitha… Kienet ċelebrazzjoni ta’ għarfien, inklużività, solidarjetà, teamwork, u qawwa ta’ komunità magħquda.”
Prosit kbira lil kull min ikkontribwixxa biex tkompli tikber it-tama għal Jasmine!