Ix-xogħol ta’ rinovar fl-Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità f’Ħ’Attard wasal fi tmiemu, filwaqt li jinsab fl-aħħar stadju tiegħu wkoll ir-rinovar estensiv fl-Għassa tal-Ħamrun, li mistennija terġa’ tiftaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Mejju.

Ir-rinovar fl-Għassa tal-Ħamrun, li beda fl-2024, kien jinkludi xogħlijiet strutturali importanti bħat-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni tas-soqfa, tibdil f’ħitan diviżorji u installazzjoni ta’ bibien u twieqi ġodda. Barra minn hekk, sar ukoll tibdil sħiħ fis-sistemi tad-dranaġġ, ilma u elettriku.
Il-post ġie modernizzat b’sistemi ġodda ta’ ventilazzjoni u arja kkundizzjonata, kif ukoll b’madum, suffetti, aperturi u għamara ġdida. Bħalissa għaddej xogħol fuq il-faċċata tal-binja biex jitlesta dan il-proġett.

Min-naħa l-oħra, ix-xogħol fl-Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità f’Ħ’Attard beda fil-bidu tas-sena li għaddiet u issa tlesta kompletament. Dan inkluda rinovar estensiv u titjib fis-servizzi, fosthom installazzjonijiet ġodda ta’ elettriku, arja kkundizzjonata u għamara moderna. Ġie miżjud ukoll charging point għall-vetturi elettriċi tal-Korp tal-Pulizija.
B’kollox, dawn l-investimenti jiswew aktar minn €740,000, b’€660,000 allokati għall-Għassa tal-Ħamrun u €80,000 għall-uffiċċju f’Ħ’Attard. Dawn il-proġetti jkomplu jsaħħu sensiela ta’ rinovazzjonijiet f’għases oħra madwar Malta, fosthom fil-Gżira, ir-Rabat u bini ġdid f’Wied il-Għajn.
