L-ERA Timmarka 10 Snin Ta’ Governanza Ambjentali B’Attività Fi Ġnien Spencer Il-Marsa

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tiċċelebra għaxar snin mit-twaqqif tagħha b’serje ta’ attivitajiet li juru l-ħidma tagħha fil-qasam ambjentali, fosthom avveniment fi Ġnien Spencer fil-Marsa b’attivitajiet edukattivi, tours ggwidati u wirjiet interattivi għall-pubbliku.



Imwaqqfa fl-2016 wara s-separazzjoni mill-MEPA, l-ERA matul dawn l-aħħar snin żviluppat sistemi importanti ta’ regolazzjoni, monitoraġġ u infurzar ambjentali. Dan jidher b’mod ċar f’diversi kisbiet, fosthom żieda ta’ aktar minn 18% fin-network ta’ Natura 2000 u s-siti protetti nazzjonali, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.



Żdied ukoll b’mod sostanzjali n-numru ta’ permessi ambjentali pproċessati kull sena, li llum jaqbżu l-21,000, filwaqt li l-ispezzjonijiet telgħu għal aktar minn 8,000 fis-sena. Fl-istess waqt, l-Awtorità wettqet eluf ta’ azzjonijiet ta’ infurzar u ħarġet numru kbir ta’ dokumenti ta’ politika biex tkompli ssaħħaħ il-qafas ambjentali tal-pajjiż.



Matul l-attività, l-ERA kkollaborat ukoll mal-awtur Mark Marshall biex tippreżenta ktieb għat-tfal bl-isem “In-Naħla l-Għarfa”, bil-għan li tqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien tal-ambjent fost iż-żgħar.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li ħafna mix-xogħol tal-ERA jsir fil-kwiet iżda huwa essenzjali biex jiġu protetti r-riżorsi naturali u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-ERA, Perit Vincent Cassar, iddeskriva dawn l-għaxar snin bħala perjodu ta’ żvilupp importanti fejn twaqqfu pedamenti sodi għall-governanza ambjentali.

Il-Kap Eżekuttiv Kevin Mercieca enfasizza li l-ħidma tal-Awtorità tkompli tikber hekk kif jiżdiedu l-isfidi ambjentali, u sostna li l-prijorità tibqa’ li dawn l-isforzi jwasslu għal protezzjoni konkreta u sostenibbli fil-prattika.

L-ERA qed tħares ukoll lejn il-futur b’diversi inizjattivi ġodda, inkluż pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, restawr ambjentali u miżuri biex jitnaqqas l-iskart, b’impenn kontinwu favur ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI