Il-kantant Malti Josuel Grech, magħruf aħjar bħala Josuel as Elvis, jinsab fl-Awstralja fejn se jkun qed iwassal sensiela ta’ wirjiet live quddiem komunitajiet kbar ta’ Maltin u dilettanti tal-mużika ta’ Elvis Presley.
Permezz ta’ messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Josuel ħabbar bil-ferħ il-bidu ta’ din l-avventura internazzjonali. Huwa qal li l-vjaġġ tiegħu lejn l-Awstralja beda uffiċjalment, hekk kif se jkun qed jiltaqa’ mal-pubbliku f’diversi bliet ewlenin fosthom Sydney, Melbourne u Adelaide.
Josuel żied jgħid li għad hemm numru limitat ta’ biljetti disponibbli, u ħeġġeġ lil dawk interessati biex ma jitilfux iċ-ċans jarawh live f’dawn l-ibliet. Fost il-wirjiet ippjanati hemm ukoll spettaklu speċjali fil-bidu tas-sena, li mistenni jkun wieħed mill-punti ewlenin ta’ din it-tour.
Magħruf għall-interpretazzjoni awtentika tiegħu tal-movimenti, il-vuċi u l-istil tal-“King of Rock and Roll”, Josuel ilu għal snin twal jirrappreżenta lil Malta fuq palchi kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Din it-tour fl-Awstralja tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aktar artisti ta’ tribute apprezzati.
Gwida.mt tifraħ lil Josuel għal dan il-pass importanti fil-karriera tiegħu u tawguralu kull suċċess f’din l-esperjenza ġdida barra minn xtutna.
Facebook / Josuel Elvis