Atleti minn tliet skejjel Maltin tal-Kickboxing kisbu riżultati impressjonanti waqt id-Dragons World Festival World Cup, li sar fi Sqallija fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2026.
L-atleti minn The Basement, Team Jalen u Wu Shuky Kickboxing ingħaqdu flimkien biex irrappreżentaw lil Malta f’din il-kompetizzjoni internazzjonali, u wrew impenn, dixxiplina u spirtu ta’ tim.
Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-erba’ kowċis Darren Scerri Camilleri, Kenneth Scerri, Mark Manicolo u Alan Borg, filwaqt li l-kompetituri ħadu sehem f’diversi dixxiplini, fosthom il-Kickboxing, il-K-1 u l-Boxing.

Fost ir-riżultati miksuba minn The Basement, Darren Scerri Camilleri rebaħ l-ewwel post kemm fil-Pro Boxing Class A kif ukoll fl-Elite Amateur Boxing Class A, filwaqt li Sven Scerri kiseb żewġ rebħiet fil-Kickboxing u fil-Kickboxing Full Contact.
Paul Felice, Yann Candia, Marcos Grech u Ganni Usman ukoll kisbu l-ewwel post fil-kompetizzjonijiet rispettivi tagħhom, filwaqt li Leander Lanzon u Gordon Grech rebħu t-tieni post fl-Amateur Boxing Class B Seniors. Min-naħa ta’ Wu Shuky Kickboxing Club, Alec Bonnici kiseb l-ewwel post fil-Junior Kickboxing.

Team Jalen ukoll kellu prestazzjoni mill-aqwa, b’diversi atleti jirbħu aktar minn midalja waħda. Blake Theuma Dougal kiseb tliet rebħiet fil-Boxing, Full Contact u Kickboxing, filwaqt li Matteo Vella rebaħ l-ewwel post fil-Kickboxing u fil-K-1.
Jack Balzan kiseb l-ewwel post fil-Kickboxing u t-tieni fil-Kickboxing Full Contact, filwaqt li Kolev Teodor rebaħ żewġ kategoriji fil-Boxing. Samuel Zayden u Daniele Psaila wkoll irreġistraw rebħiet fil-kompetizzjonijiet tagħhom.
Barra minn hekk, Lordon Galea, Alec Farrugia Vella, Shanaia Debono Falzon, Shaia Carabott u Quelin Zerafa kisbu diversi postijiet fuq il-podju, inklużi għadd ta’ klassifikazzjonijiet fit-tieni post fil-Kickboxing, Full Contact u K-1.

Dan is-suċċess huwa mument ta’ kburija għall-isport Malti u xhieda tat-talent, id-determinazzjoni u x-xogħol kontinwu tal-atleti u l-kowċis tagħna.
Dak li jagħmel din il-kisba aktar speċjali huwa l-fatt li tliet klabbs differenti ngħaqdu b’għan wieħed: li jirrappreżentaw lil Malta bl-aħjar mod u jagħmlu lil pajjiżna kburi.
Wara sigħat twal ta’ taħriġ, preparazzjoni u sagrifiċċju, dawn l-atleti rnexxielhom iħallu marka pożittiva fuq livell internazzjonali, u kisbiet bħal dawn jistħoqqilhom kull tifħir u rikonoxximent.