Il-Ħadd li għadda, wieħed mill-mistiedna ta’ D BBQ Show kien l-istilista tax-xagħar Gordon Mayo. Il-programm bi preżentazzjoni ta’ Malcolm Pisani qed jinżel tajjeb mat-telespettaturi u ċertament li l-aħħar episodji bl-isfida bejn Gordon u Christian Arding serva biex dak li jkun isir jafhom aħjar.
Gordon waqt il-programm qal li jħobb is-sajf u għalih dan l-istaġun hu wieħed sabiħ għax igawdi d-dgħajsa u jerħilha lejn Għawdex, xi ħaġa li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar 40 sena! Waqt il-programm hu jiżvela li originarjament u ma kienx studja biex ikun stilista tax-xagħar iżda kien miexi fil-passi biex isir mastrudaxxa u jaħdem ukoll fil-metall.
Missier Gordon kien drafsman u ovvjament, missieru xtaqu li jkompli fil-linja tiegħu. Gordon jgħid li kull ġenitur ikun jixtieq li t-tfal ikompli fl-istess qasam. Hu jistqarr li kien imur tajjeb f’dan il-qasam u fl-istudji tiegħu iżda kien biddel il-ħsieb meta miet il-kuġin tiegħu, xtaq li jeqleb fil-linja tax-xagħar.
Infatti Gordon ilu jagħmel dan għal 51 sena u tant ħa s-suġġett bis-serjetà li anke l-mediċina tax-xagħar spiċċa jistudja barra minn Malta u lum jista’ jissejjaħ spiżjar tax-xagħar.