Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, iltaqgħet mal-Papa f’udjenza privata. Opportunita` ta’ unur kbir.
Fuq il-paġna uffiċjali tagħha spjegaw, “It-Tnejn filgħodu, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV, fil-Vatikan. Fl-ewwel kummenti tagħha, il-President ta’ Malta fissret il-laqgħa tagħha mal-Papa bħala waħda profonda u sinifikanti, li matulha l-Papa tkellem dwar diversi temi, b’mod speċjali s-sitwazzjoni globali internazzjonali, fosthom fil-Lvant Nofsani. Il-Papa u l-President tkellmu wkoll dwar ir-relazzjonijiet bilaterali tajba, u l-kooperazzjoni li teżisti bejn il-Knisja u l-Istat ta’ Malta.”
“Il-Papa wera interess partikolari dwar Malta. Semma l-Provinċja Agostinjana Maltija. Matul din id-diskussjoni, il-President ta’ Malta rreferiet għall-istedina biex il-Papa jżur pajjiżna, li għamillu l-Prim Ministru Dr Robert Abela fil-laqgħa li kellhom flimkien. Il-President tenniet din l-istedina l-Papa ma eskludiex li, wara ż-żjarat li għandu ppjanati, iżur Malta.”
“L-udjenza privata kienet segwita minn laqgħa tad-delegazzjoni Maltija mal-Papa, li għaliha attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, l-E.T. Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, fosthom is-Segretarju tal-Presidenza, Moira Attard.”
“Matul din il-laqgħa sar skambju ta’ rigali, fejn il-President ta’ Malta, f’isem pajjiżna, tat riljev fil-bronż ta’ San Pawl, maħdum mill-artist Chris Ebejer, bħala rigal lill-Papa fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Il-Presidenza kienet diġà’ għaddiet ukoll donazzjoni li permezz tagħha kien akkwistat apparat mediku ġdid għall-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia, biex jintuża bħala parti mis-servizzi mediċi offruti b’xejn lill-pazjenti bi bżonnijiet materjali akuti li jmorru hemm għall-kura. L-ewwel pazjenta tal-Ambulatorio Madre di Misericordia li bbenefikat minn dan l-apparat mediku speċjalizzat kienet Peruvjana mill-eks djoċesi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV.”
Facebook / Myriam Spiteri Debono