Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ diski mill-album solo tiegħu, (Let’s Get) High on Love u Picture on the Wall, Ivan Grech nieda l-vidjo uffiċjali tat-tielet single tiegħu, Show Me How to Love You. Show Me How to Love You hija diska pożittiva b’messaġġ emozzjonali u mill-qalb li tesplora l-ewwel imħabba fit-tfulija, u riflessjoni aktar tard fil-ħajja.
Il-vidjo uffiċjali jżid element personali ħafna mal-kanzunetta. Iffilmjat f’St Margaret College, Dom Mauro Inguanez – Senglea Primary School, il-vidjo ġie ffilmjat fil-klassi li Ivan attenda meta kien għadu tifel. Fil-vidjo jidher Beppe Caruana fil-parti tat-tifel u Sarah Camilleri fil-parti tal-għalliema. Il-produzzjoni tinkludi wkoll studenti mill-istess skola.
Ivan interpreta l-kanzunetta live għall-ewwel darba waqt is-semi-finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2026 f’Jannar, bħala mistieden speċjali. Il-prestazzjoni ntlaqgħet b’reazzjoni ferm pożittiva, u tat introduzzjoni emozzjonali għal din id-diska.
“Kont tassew impressjonat bir-reazzjoni tal-pubbliku għal din id-diska,” qal Ivan. “Il-filmat tal-vidjo kien ukoll emozzjonali ħafna, speċjalment meta rritornajt fl-iskola primarja tal-Isla fejn kont student. Dan għamel l-esperjenza kollha aktar personali u sinifikanti.”
Show Me How to Love You inkitbet minn Ivan Grech. Il-kanzunetta ġiet prodotta u irrekordjata f’Railway Studios minn Peter Borg, li rrekordja wkoll il-kitarri, bass, drums, perkussjoni u keyboards. Il-vidjo ġie ffilmjat u prodott minn Matthew James.
Show Me How to Love You hija t-tielet single mill-ewwel album solo tant mistenni ta’ Ivan, li ser ikun jismu Victory Street. L-album il-ġdid se jkun disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali mis-16 ta’ April 2026.
Ivan Grech huwa appoġġjat mill-Kunsill Malti Għall-Arti, Hamilton Travel, Signal 8 Security, Hard Rock Café Malta, V&C Group, Finestral, Logografix, BMIT, Clamtech, Kia Malta, Toni & Guy, Sign It u Striped Sox.