“L-Ewwel Presepju Li Ħdimt Kien Intgħoġob. Ibbażżat Fuq Stil Bibliku U Kien Fih 3 Metri B’Metru U Nofs.” – John Cachia

“Jien ngħix għall-presepju.” Hekk jibda jirrakkonta John Cachia mal-paġna lokali The People of Malta, dilettant u artist tal-presepji li l-imħabba tiegħu lejn din it-tradizzjoni Maltija tmur lura sa minn tfulitu, fi żmien meta kien jattendi l-MUSEUM.

Kien hemmhekk li beda l-ewwel kuntatt tiegħu mal-presepju, partikolarment fis-sezzjoni fejn it-tfal kienu jiżbgħu l-pasturi – rigal sempliċi iżda mimli tifsira li ħalla marka profonda fuqu.

Il-ħsieb u l-imħabba lejn il-presepju baqgħu jakkumpanjawh tul is-snin. Meta kien iżur wirjiet differenti, kien dejjem isib ruħu jgħid lilu nnifsu li xi darba ried jibda joħloq il-presepji tiegħu stess. L-ewwel presepju fiżiku li għamel kien madwar 15-il sena ilu – presepju tond, magħmul mill-ġablo, li mmarka l-bidu ta’ vjaġġ artistiku li għadu għaddej sal-lum.

L-ewwel xogħol kbir tiegħu, ibbażat fuq stil bibliku u b’daqs ta’ madwar tliet metri b’meter u nofs, intgħoġob ferm u llum jinsab espost fil-Knisja tan-Naxxar. Dan is-suċċess tah il-kuraġġ biex ikompli jaħdem u jtejjeb is-sengħa tiegħu. Fl-2013 kellu wkoll ix-xorti jiltaqa’ ma’ Joe Galea, dak iż-żmien president tal-Għaqda Għawdex Malta, li magħha ingħaqad u li din is-sena qed tiċċelebra 60 sena mit-twaqqif tagħha.



Minn hemmhekk, John beda jitħarreġ b’mod aktar strutturat, anke billi attenda korsijiet barra minn Malta. Il-passjoni tiegħu mxiet lejn il-presepji popolari fuq stil Taljan, fejn jinbena villaġġ sħiħ ispirat mill-arkitettura Taljana. Huwa jaħdem il-blat u d-djar prinċipalment bl-XPS u s-sufra, u wara juża l-gesso biex jagħti l-finitura. Proċess li jieħu sigħat twal ta’ ħidma u dedikazzjoni.



Il-pasturi tiegħu huma maħduma minn artist Naplitan, Salvatore de Francesco, u l-proċess jibda mill-għażla tal-qies u l-istil. Għalkemm darba kien jibża’ mill-proċess taż-żebgħa, dan inbidel wara li attenda kors speċjalizzat fl-Italja ma’ Antonio Pigozzi, li għenu jikseb aktar kunfidenza f’dan l-aspett delikat tal-ħidma.

F’wieħed mill-presepji kbar li ħoloq sentejn ilu, John daħħal figura ta’ San Franġisk biex ifakkar it-800 sena mill-ewwel presepju, ambjentat fi Greccio. Għalih, il-presepji mhumiex oġġetti li jintremew – anzi, jistqarr li tweġġgħu qalbu meta jisma’ li xi ħadd kisser presepju.

Is-sodisfazzjon tiegħu jiġi mill-fatt li minn biċċa ġablo ċatta jkun kapaċi joħloq xena mimlija ħajja u dettall, u jara lin-nies japprezzaw u jammiraw dak li jkun ħoloq. Il-wirja tal-presepji ta’ John Cachia se tkun miftuħa għall-pubbliku mid-19 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar fin-Naxxar, opportunità biex wieħed japprezza mill-qrib din il-passjoni li saret arti.



Ritratti:

Facebook / John Cachia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI