Il-programm Popolin tal-bieraħ tefa’ dawl fuq suġġett kruċjali – l-inklużjoni u d-diżabilità – permezz ta’ diskussjoni li ġabret flimkien persuni b’diżabilità, qraba tagħhom u diversi għaqdiet, fosthom il-Malta Federation of Organisations of Persons with Disability.
Minkejja opinjonijiet differenti waqt id-dibattitu, ħarġet konklużjoni waħda ċara: l-inklużjoni vera għadha mhijiex realtà f’Malta.
Matul il-programm ġew ippreżentati kemm fatti kif ukoll esperjenzi reali li juru l-isfidi ta’ kuljum li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità. Filwaqt li għal ħafna telespettaturi dawn ir-realtajiet jistgħu ma jkunux dejjem viżibbli, għal min jgħixhom huma parti mill-ħajja ta’ kuljum.
L-inklużjoni, kif ġie enfasizzat, mhijiex biss kelma – iżda sens ta’ appartenenza. Madankollu, għad hemm sitwazzjonijiet fejn studenti b’diżabilità jiġu diretti lejn skejjel speċjali minflok jingħataw appoġġ fi skejjel mainstream. Wara l-età ta’ 16-il sena, ħafna jsibu ruħhom limitati għal servizzi segregati minflok programmi edukattivi inklussivi li jħejjuhom għall-ħajja u x-xogħol.
Problemi oħra jinkludu ambjenti mhux aċċessibbli, nuqqasijiet fit-trasport u fl-infrastruttura, kif ukoll esklużjoni minn deċiżjonijiet u policies li jolqtuhom direttament.
Skont l-MFOPD, il-problema mhijiex neċessarjament in-nuqqas ta’ fondi, iżda kif dawn jintużaw. Hija sostniet li ħafna inizjattivi li jiġu ppreżentati bħala “inklużivi” fil-fatt jibqgħu segregati, u għalhekk ma jindirizzawx il-problema b’mod sostanzjali.
Ir-referenza kienet ukoll għall-UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities, li Malta adottat bħala parti mil-liġi nazzjonali. Din il-konvenzjoni tisħaq b’mod ċar li s-servizzi għandhom ikunu bbażati fil-komunità u mhux segregati, u li persuni b’diżabilità għandhom ikunu jistgħu jgħixu b’indipendenza u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.
Filwaqt li strutturi bħal id-Direttorat għall-Affarijiet tad-Diżabilità u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni u s-superviżjoni, l-MFOPD qed titlob aktar ċarezza dwar x’progress konkret qed isir.
Il-messaġġ ewlieni jibqa’ wieħed: l-inklużjoni ma tistax tibqa’ aspirazzjoni. Għandha ssir realtà permezz ta’ azzjonijiet konkreti, koordinati u responsabbli, biex persuni b’diżabilità jkollhom l-istess opportunitajiet li jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tal-komunità.