Hemm telf li ma jitkejjelx bil-flus, u dak li ġara f’Marsaxlokk f’dawn l-aħħar sigħat huwa eżempju ċar ta’ dan. L-itwal u l-ixjaħ palma f’Malta, li kienet ilha tgħix magħna għal madwar 200 sena, sfat vittma tal-maltempata Harry – simbolu ta’ reżiljenza li ma felħitx għall-qawwa tal-elementi.
Il-palma nqasmet fi tnejn kmieni t-Tlieta filgħodu, 20 ta’ Jannar, meta buffuri qawwija tar-riħ laħqu u qabżu l-100 kilometru fis-siegħa. Riħ bla ħniena, li wasal direttament minn naħa tax-Xlokk il-Lvant, laqat lil Marsaxlokk bħala l-ewwel art, espost għal kollox, mingħajr ebda lqugħ naturali li seta’ jtaffi d-daqqa.
Din il-palma kienet aktar minn siġra għax tista’ tgħid li kienet xhud sieket ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ, ta’ tibdiliet fil-pajjiż, ta’ maltempati oħra li għaddew u telqu. Għal sekli sħaħ baqgħet hemm, wieqfa, sakemm maltempata waħda kienet biżżejjed biex ttemm storja twila 200 sena.
Facebook / It-Temp Madwarna