Waqt konferenza stampa li ttellgħet fl-Università ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, ħabbar it-tnedija ta’ proġett ġdid ta’ dottorat li se jiffoka fuq in-nuqqas ta’ vista. Dan il-proġett ta’ riċerka qed jiġi ffinanzjat mill-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA).

Ir-riċerka se tiffoka b’mod partikolari fuq it-tfal u l-adolexxenti neqsin mid-dawl, kif ukoll fuq il-familji tagħhom, b’enfasi fuq id-dimensjonijiet soċjali, id-drittijiet u l-esperjenzi ta’ ħajja tagħhom. L-għan ewlieni huwa li jinftiehmu aħjar ir-realtajiet li jiffaċċjaw dawn il-persuni u kif il-kuntest soċjali jista’ jinfluwenza l-livell ta’ inklużjoni jew, għall-kuntrarju, joħloq ostakli u nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq ir-rwol kruċjali tar-riċerka fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, filwaqt li nnota li d-diżabilità għandha titqies bħala kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali. Huwa enfasizza li l-esperjenzi tal-persuni neqsin mid-dawl mhumiex iffurmati biss mill-kundizzjoni nnifisha, iżda wkoll minn fatturi soċjali li jistgħu jiffaċilitaw jew jillimitaw il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.

Huwa rrefera għall-progress li għamlet Malta f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, fosthom l-implimentazzjoni tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs u l-Att dwar il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li llum tifforma parti integrali mil-liġi Maltija. Skontu, sabiex dawn id-drittijiet jiġu implimentati b’mod effettiv, hemm bżonn ta’ għarfien dettaljat tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti, inklużi persuni neqsin mid-dawl, biex il-politika pubblika tkun tassew inklussiva u bbażata fuq l-evidenza.
Il-proġett ta’ dottorat se jitwettaq taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta. Dan se jikkumplimenta studji eżistenti, fosthom il-Malta Eye Study, kif ukoll ir-riċerka li qed titwettaq f’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation bħala parti mill-Vision Project. Ir-riżultati mistennija jidentifikaw lakuni fis-servizzi, bżonnijiet ta’ sapport u opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ politika f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjieg, l-inklużjoni fil-komunità u l-għajxien indipendenti.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, E.T. Marie Louise Coleiro Preca, enfasizzat l-importanza ta’ riċerka li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u li tagħti vuċi lill-esperjenzi reali tal-persuni neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. Hija qalet li riċerka bbażata fuq l-evidenza u fuq id-drittijiet tal-bniedem tgħin biex jiġu identifikati b’mod ċar l-oqsma fejn hemm bżonn ta’ aktar sapport, kif ukoll kif jistgħu jissaħħu s-servizzi u l-politiki sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja. Skontha, riċerka bħal din hija essenzjali biex tinbena soċjetà aktar ġusta u inklussiva li ma tħalli lil ħadd barra.
Il-Professur Anne Marie Callus, li se tkun qed tipprovdi l-gwida akkademika għal dan il-proġett, spjegat kif riċerka b’dan il-fokus tista’ twassal għal fehim aktar profond tal-esperjenzi ta’ tfal u adolexxenti neqsin mid-dawl u tal-familji tagħhom. Hija qalet li studji bħal dawn huma kruċjali biex jiġu identifikati kemm il-prattiki tajbin li qed jagħtu riżultati pożittivi, kif ukoll l-isfidi u l-ostakli li għadhom jeżistu u li jillimitaw il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà Maltija.

Il-Professur Callus żiedet tgħid li l-għarfien li se joħroġ minn din ir-riċerka se jikkontribwixxi direttament għall-iżvilupp ta’ servizzi aħjar, politiki aktar sensittivi u soċjetà aktar inklussiva, filwaqt li jsaħħaħ il-viżjoni ta’ Malta li tpoġġi d-dinjità, id-drittijiet u l-potenzjal ta’ kull persuna fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur riċerka ta’ kwalità li tkun rilevanti għall-politika pubblika, tippromwovi l-inklużjoni soċjali u tikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Din hija l-ewwel waħda minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ riċerka li se jitħabbru matul is-sena l-ġdida.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja d-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fl-Università ta’ Malta fuq disabilitystudies.fsw@um.edu.mt