Il-Gvern iressaq liġi ġdida biex isaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-fastidju u l-vjolenza. Il-ħaddiema f’Malta mistennija jgawdu minn aktar protezzjoni fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ abbozz ta’ liġi ġdid li ġie diskuss fil-Parlament, li għandu l-għan li jindirizza b’mod ċar il-vjolenza u l-fastidju fl-ambjent tax-xogħol.
Dan l-abbozz għandu l-iskop li jinkorpora fil-liġi Maltija l-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol. Permezz tiegħu, kull ħaddiem se jkollu d-dritt li jaħdem f’ambjent sigur u ħieles minn kull forma ta’ abbuż, inkluż fastidju jew vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.

Din il-miżura tifforma parti mill-manifest elettorali “Malta Flimkien” u hija waħda mill-wegħdiet li qed jitwettqu mill-Gvern sabiex ikompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż.
Il-liġi proposta tiddefinixxi b’mod ċar min jitqies bħala impjegat. Dan jinkludi mhux biss persuni li jaħdmu b’kuntratt, iżda wkoll interns, trainees, apprendisti, voluntiera, persuni li l-impjieg tagħhom ġie terminat, kif ukoll dawk li qed ifittxu xogħol jew japplikaw għalih.
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ambjent tax-xogħol” qed jiġi estiż biex jinkludi mhux biss il-post fiżiku tax-xogħol, iżda wkoll attivitajiet relatati max-xogħol bħal taħriġ, avvenimenti soċjali, komunikazzjoni online, u anke vjaġġi lejn u mix-xogħol.
Il-liġi tiddeskrivi l-vjolenza u l-fastidju bħala kwalunkwe imġiba jew theddida li tista’ tikkawża ħsara fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika. Dan jinkludi wkoll każijiet fejn il-vittma tiġi mmirata minħabba l-ġeneru tagħha.
Skont l-abbozz, dawn l-azzjonijiet huma pprojbiti kompletament, kemm jekk iseħħu darba jew ripetutament, u jistgħu jseħħu f’kull forma – kemm fiżika, verbali, bil-miktub jew anke online.
Min jinstab ħati li jikser dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jaffaċċja pieni serji, fosthom priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sentejn, multa bejn €5,000 u €10,000, jew it-tnejn flimkien. Barra minn hekk, il-vittmi jistgħu jfittxu rimedju quddiem it-Tribunal Industrijali, fejn jista’ jiġi ordnat kumpens għad-danni soferti jew anke t-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol.
L-emendi proposti se jidħlu fis-seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern.
B’din il-liġi, il-Gvern qed jimmira li joħloq ambjent tax-xogħol aktar sigur, rispettabbli u inklużiv għal kulħadd, filwaqt li jibgħat messaġġ ċar li l-fastidju u l-vjolenza mhumiex aċċettabbli taħt l-ebda ċirkostanza.