Il-komunità sportiva Maltija tinsab f’sogħba kbira wara l-mewt tas-Sur Calleja, figura li ddedika parti kbira minn ħajtu għall-iżvilupp ta’ eluf ta’ żgħażagħ, kemm fil-qasam tal-futbol kif ukoll fil-formazzjoni tagħhom bħala persuni b’valuri sodi. Is-Sur Calleja kien figura magħrufa u rispettata fin-Nursery tal-Hibernians, fejn ħadem bla waqfien mat-tfal u ż-żgħażagħ tal-klabb.
Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Luke Dalli sellem il-memorja tal-Kowċ Calleja, fejn fakkar kif il-kontribut tiegħu mar ferm lil hinn mill-grawnd. Huwa saħaq li x-xogħol tiegħu kien kruċjali mhux biss biex itejjeb il-ħiliet sportivi taż-żgħażagħ, iżda fuq kollox biex jgħinhom jikbru bħala persuni u jħaddnu r-rispett lejn il-ħajja.
Luke stqarr li jħossu kburi li kien wieħed minn dawk li ġew iffurmati mis- Sur Calleja u li t-tagħlim tiegħu jibqa’ mnaqqax f’qalb dawk kollha li kellhom ix-xorti jaħdmu jew jitħarrġu taħtu. Xhieda ta’ dan tkompli tidher fil-bosta kummenti ta’ segwaċi li kienu jafuh jew li tgħallmu miegħu u li sellmu wkoll il-memorja tiegħu taħt il-messaġġ li ħalla Luke Dalli.
Fl-aħħar nett, Luke wassal il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja tas-Sur Calleja, filwaqt li sellem il-memorja tiegħu b’kelmiet sempliċi iżda mimlijin tifsira: “Fly high, Sur Calleja.”
Il-wirt li ħalla warajh jibqa’ jgħix fil-ħajjiet ta’ dawk l-eluf ta’ żgħażagħ li grazzi għalih, saru mhux biss atleti aħjar iżda fuq kollox ġarrbu tagħlim li baqa’ jakkumpanjahom tul ħajjithom kollha.
Facebook/ Luke Dalli