“Meta Nidħol Fil-Klassi Ninsa Kollox … Qatt Ma Għedt Xi Dwejjaq, Sejra X-Xogħol” – Enrica Caruana

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Enrica Caruana li hija għalliema fejn xogħolha huwa verament il-passjoni tagħha.

Hi qalet, “Meta nidħol fil-klassi ninsa kollox. Qatt ma għedt xi dwejjaq, sejra x-xogħol. Il-klassi l-‘Happy Place’ tiegħi. Forsi tinstema’ bħala clichè, imma dejjem għedt li jekk jirnexxili nagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ xi tfal, ġa biżżejjed. Meta nara t-tfal filgħodu deħlin l-iskola kuntenti, jgħajtuli ‘miss, miss, miss’ bi tbissima, ifisser li jħossuhom ukoll siguri hawn fl-iskola. Ifisser li xi ħaġa tajba qiegħda nagħmel. It-tfal ġenwini. Aħjar mill-aqwa pay check!”

Żiedet, “Studjajt u ħdimt għal ħafna snin fil-marketing, ġo uffiċċju, f’kumpanija privata. Kont anki Direttur, fl-istess żmien meta kelli żewġt itfal. Minħabba t-tfal, xi ħaġa kelli nċedi. Jien persuna li l-affarijiet jew isiru sew jew xejn. B’hekk qlibt naħdem part-time. Sakemm waslet il-COVID19, nagħmlu l-onlajn lessons u fl-istess ħin naħdem mid-dar. Tkellimt mar-raġel u ddeċidejt li nieqaf mix-xogħol għal dak iż-żmien. Ir-raġel kien jaf li minn dejjem xtaqt li nsir għalliema. Niftakarni anki meta kont tifla, waqt li nagħmel il-HW, kont inġib lill-pupi biex ngħallimhom. B’hekk ir-raġel kien ħajjarni nibda l-kors ta’ għalliema. Kont xettika kif stajt inlaħħaq mal-istudju wkoll, però kompla jagħtini s-sapport u kien qalli it’s now or never.”

Kompliet, “Nemmen li ssir għalliema hija sejħa. Ma kontx ħadt dik il-linja qabel għax l-idea kienet li jekk tistudja għall-għalliem ma għandekx fejn tiftaħ, paga mhux tajba, eċċ. Jien iddeċidejt li nsegwi l-ħolma li dejjem kelli u nieħu l-kors, full-time, biex insir għalliema. Kien kors intensiv. Naħdem fuq it-teżi anki fis-sajf. It-tfal kienu jistaqsuni kemm qiegħda naħdem u jien kont ngħidilhom li xejn ma jiġi faċli, imma trid taħdem biex tieħu dak li trid. Fil-gradwazzjoni tiegħi, meta raw il-ferħ tiegħi, fehmu dan kollu.”

Qalet ukoll, “Issa ilni 3 snin għalliema. Diffikultajiet hemm ukoll u hemm ħafna xogħol, anki ta’ preparazzjoni wara l-ħin. Xogħol li ma jiqafx. Finanzjarjament għamilt pass lura meta biddilt ix-xogħol. Però, grazzi wkoll għall-għalliema eżemplari li kelli jiena meta kont studenta hawn, f’St Joseph – Sliema, dejjem xtaqt nimxi fuq il-passi tagħhom u niġi lura fil-klassi, u ngħallem hawn fl-istess skola li tlajt fiha. Għandna surmast tal-iskola li dejjem tisma’, open u tinkoraġġina meta jkun hemm xi attività jew kompetizzjoni. Infatti, bil-klassi tiegħi tal-Year 2, fil-Code Week, ħadna s’hemm f’kompetizzjoni tal-EU marbuta mal-ICT u Inclusion. Jiena nemmen fl-inklużjoni, li iva, kulħadd jista’ jagħmilha u jasal. Kienet esperjenza għat-tfal ‘debugging a story’, bl-istorja ta’ Goldilocks, biex jaslu għall-kunċett ta’ debugging xi tfisser. Ħdimt flimkien mal-kollega tal-ICT. Kull student kellu rwol. Għamilna r-rapport, ħadna r-ritratt tal-attività u f’din il-kompetizzjoni miftuħa għall-iskejjel kollha fl-EU aħna St Joseph Sliema rbaħna ‘Best Inclusion Focused’. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija, għall-kollegi u għat-tfal. Bil-flus li ntrebħu issa se naraw li l-ICT labs tagħna jkunu iżjed inklussivi.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI