Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti ppubblikat fuq Facebook, Id-Djarju tat-Timba qajmet riflessjoni profonda dwar ir-realtà tal-bidwi Malti u l-isfidi li jiffaċċja ta’ kuljum. Messaġġ li jġiegħel lil min jaqrah jieqaf, jaħseb u jħares b’għajnejn differenti lejn dawk li jaħdmu l-art.
“Aktarx kif ikollu ħarstu ‘il fuq ikun qiegħed jgħid talba lill-Mulej, jittama li jħoss taqtira xita mbierka fuq ħuġbejh… Min jifhmu lil bidwi !? Meta jkun jixtieq itejjeb il-ħajja tiegħu u aktar ta’ uliedu u f’qalbu jixxennaq għall-għajnuna u f’xewq’oħra jrid li ma jara lil ħadd minnhom ibati mill-martierju tiegħu.”
Il-messaġġ jistieden lil kull min jaqrah biex “ikun fiż-żarbun tiegħu”, u jifhem x’jgħaddi minnu l-bidwi waqt l-irxiex. Jekk tarah iħares ’il fuq b’wiċċu mxarrab bix-xita, jista’ jkun li d-dmugħ tiegħu jkun nieżel moħbi mat-taqtir.
Fl-aħħar nett, Id-Djarju tat-Timba jħeġġeġ lill-pubbliku biex, kull darba li jisma’ x-xita nieżla, jiftakar f’dawk il-bdiewa li jistennewha bil-ħerqa, bit-tama li tkun ta’ ġid u frott għax-xogħol tagħhom. Riflessjoni li tfakkarna fil-valur kbir ta’ dawk li, fis-skiet, jaħdmu b’dedikazzjoni biex jitimgħu lilna lkoll.