L-artist Malti Nathaniel Attard jinsab fl-aħħar fażi tal-istudji tiegħu fil-Royal Conservatoire of Scotland, fejn ilu jitħarreġ għal dawn l-aħħar tliet snin u se jkun qed jiggradwa f’Ġunju li ġej.
Matul il-kors tiegħu, Nathaniel iffoka fuq erba’ dixxiplini ewlenin: il-kant, ir-reċtar, iż-żfin u l-mużikalità – fejn kien qed isegwi programm li jħejji lill-istudenti għal karriera professjonali fit-teatru mużikali. Filwaqt li l-ewwel sena kienet iffukata fuq il-ħiliet bażiċi, it-tieni sena rat integrazzjoni aktar profonda permezz ta’ diversi produzzjonijiet.

Fost dawn kien hemm The Sondheim Project, adattament ta’ Into The Woods, fejn interpreta diversi rwoli fosthom Rapunzel’s Prince, Milky White u n-nanna ta’ Little Red Riding Hood. Ħa sehem ukoll f’Ensemble Song and Dance, li kien jinkludi medleys differenti, fejn mhux biss ipparteċipa iżda serva wkoll bħala dance captain għal wieħed minnhom. Produzzjoni oħra kienet adattament ta’ Natasha, Pierre & The Great Comet of 1812, li għaqqdet il-mużika, ir-reċtar u l-moviment.
Tul iż-żmien tiegħu fil-konservatorju, Nathaniel kien involut ukoll f’workshops ta’ musicals ġodda b’kollaborazzjoni ma’ National Theatre of Scotland u Dundee Rep, fejn ħadem ma’ diretturi, kittieba u koreografi ta’ livell għoli fl-industrija.

Fis-sena finali tiegħu, ħa sehem f’żewġ produzzjonijiet importanti, Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street”, fejn interpreta lil Judge Turpin, u Amélie The Musical, fejn kellu r-rwol ta’ Raphael Poulain f’produzzjoni ta’ tip actor-musician.
Il-vjaġġ tiegħu iżda għadu mhux spiċċa. Nathaniel se jkun qed jipparteċipa fil-produzzjoni Outside Eyes mat-Tron Theatre, li se tittella’ fid-19 ta’ Ġunju. Din l-inizjattiva tagħti spazju lil musicals ġodda biex jiġu ppreżentati quddiem udjenza, bil-għan li jiġu żviluppati aktar u possibilment jattiraw produtturi.

Fl-istess ħin, hu u sħabu qed jippreparaw għall-aħħar showcases tagħhom – wieħed fi Glasgow u ieħor prestiġjuż f’Londra, fis-Sondheim Theatre.
Nathaniel Attard huwa wkoll riċevitur tal-Malta Arts Scholarship Scheme, iffinanzjat mill-Gvern ta’ Malta, kif ukoll ingħata ghajnuna mill-fondazzjoni Jonatha Stubbs – appoġġ li qed jgħinu jkompli jibni futur promettenti fuq il-palk internazzjonali.
Nawgurawlek aktar suċċessi Nathaniel!
Facebook / Nathaniel Attard