Minn Żona Industrijali Għal Spazju Pubbliku – Viżjoni Ġdida Għall-Port Il-Kbir

Ilbieraħ ġie ppreżentat il-pjan ta’ riġenerazzjoni għall-Port il-Kbir, li se jitqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika u li, minnufih wara, se jidħol fil-fażi ta’ ħidma mas-settur privat biex dan il-proġett jitwettaq. Il-proġett jimmira li jittrasforma żoni industrijali f’aktar spazji miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku, b’enfasi fuq żvilupp sostenibbli u użu aħjar ta’ wieħed mill-aktar portijiet rinomati fil-Mediterran. Din l-inizjattiva hija mistennija li jkollha impatt sinifikanti fuq kif il-Port il-Kbir jiġi użat u żviluppat fil-futur, filwaqt li tfittex bilanċ bejn l-istorja, l-ambjent u l-ħtiġijiet moderni tal-pajjiż.

Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir se tkun maqsuma f’erba’ fażijiet, bil-għan li tinħoloq żona ta’ livell internazzjonali li tagħti ġieħ lill-wirt marittimu Malti filwaqt li toffri spazji fejn il-kultura, is-servizzi u r-rikreazzjoni jkunu jistgħu jikkoeżistu. L-ewwel fażi tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-eks power station f’żona vibranti b’użu mħallat, b’approċċ modern, sostenibbli u ta’ kwalità, li joħloq opportunitajiet ġodda u jqarreb il-port lejn in-nies u l-familji. Id-disinn ta’ din il-fażi tħejja mill-istudjo internazzjonali rinomat Chapman Taylor.



Il-proġett jifforma parti mill-viżjoni tal-Gvern biex jingħata valur ġdid lil żoni u siti li għal snin twal tħallew fi stat ta’ abbandun. Huwa rrefera wkoll għal numru ta’ interventi mwettqa f’dawn l-aħħar snin madwar il-Port il-Kbir, li ma kinux biss ta’ tisbiħ, iżda fuq kollox proġetti li jħarsu l-ambjent u s-saħħa tal-komunitajiet.



Saret referenza għall-għeluq definittiv tal-power station tal-Marsa bħala pass importanti li fetaħ il-bieb għal fażi ġdida ta’ riġenerazzjoni f’din iż-żona. L-għan hu li ssir ġustizzja ma’ dan l-ispazju u jitwettaq proġett fuq skala kbira li jġib bidla pożittiva u sostenibbli.

Il-pjan juri fiduċja qawwija fil-potenzjal tal-Marsa u tal-lokalitajiet tal-madwar, permezz ta’ viżjoni ħolistika li tfittex li tattira investiment ta’ kwalità u toħloq ġid fit-tul. Dan il-proġett huwa wkoll allinjat ma’ viżjoni fit-tul għall-iżvilupp tal-pajjiż sal-2050.

Ġie spjegat li l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jikkumplimenta numru ta’ proġetti oħra ta’ żvilupp li qed jitwettqu f’diversi żoni strateġiċi, fosthom Manoel Island, White Rocks, Forti San Salvatur, Forti Tigné u Forti Campbell. Dawn il-proġetti huma maħsuba biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-familji, permezz ta’ żvilupp fuq skala kbira li jfittex bilanċ bejn l-ambizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva.



Intqal ukoll li l-karatteristiċi storiċi tal-Port il-Kbir mhux biss mhux se jintilfu, iżda se jiġu valorizzati aktar, b’enfasi fuq ir-rispett lejn il-wirt storiku u kulturali li jiddistingwi l-port. Il-benefiċċji ta’ din ir-riġenerazzjoni mistennija jintlaqgħu mill-lokalitajiet kollha li jduru ma’ din iż-żona.

Matul il-preżentazzjoni ġiet enfasizzata wkoll l-importanza ta’ viżjoni li tirrispetta l-istorja tal-Port il-Kbir filwaqt li tħares lejn il-futur permezz ta’ investiment f’setturi ġodda u sostenibbli. Ġie mħeġġeġ li l-konsultazzjoni pubblika tkun waħda miftuħa u inklussiva, bil-għan li jinġabru fehmiet u mistoqsijiet li jistgħu jgħinu biex dan il-proġett jiġi żviluppat bl-aħjar mod possibbli.

Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), l-Inġ. Ryan Fava, spjega li l-proġett jinkludi r-riġenerazzjoni tal-eks power station, iż-żona tal-Menqa, id-Deep Water Quay u s-swar tal-Furjana. Huwa qal li l-konsultazzjoni pubblika tnediet biex il-Gvern jisma’ direttament mingħand in-nies u li se jkomplu wkoll konsultazzjonijiet mal-istakeholders sabiex dan il-proġett nazzjonali jitmexxa ’l quddiem b’mod inklussiv.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, qal li f’dawn l-aħħar snin il-Korporazzjoni wettqet diversi proġetti ta’ riġenerazzjoni fil-Belt Valletta, il-Furjana u l-Kottonera, fosthom il-pjazza tal-Kalkara u d-daħla tal-Isla. Huwa sostna li issa wasal iż-żmien li l-attenzjoni ddur fuq il-Marsa, lokalità li għal snin twal ġarret il-piż ta’ attività industrijali intensiva. “Dan il-pjan joffri viżjoni ċara ta’ kif din iż-żona tista’ tingħata ħajja ġdida, għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu,” qal Cauchi.

Min-naħa tiegħu, Adrian Griffiths, Direttur tal-bord tal-grupp Chapman Taylor, iddeskriva l-Port il-Kbir bħala port ta’ livell dinji, b’storja rikka riflessa fl-arkitettura tiegħu. Huwa qal li l-viżjoni mfassla tħares lejn l-istorja, il-kultura u l-wirt, u tipprova tintegrahom b’mod naturali f’kunċett li jippromwovi spazji pubbliċi, opportunitajiet kulturali u konnettività aħjar mal-Belt Valletta.

Chapman Taylor topera minn 13-il studio tad-disinn madwar id-dinja. Aktar dettalji dwar il-proġett jinsabu fuq is-sit tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, filwaqt li l-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa għal sitt ġimgħat. Agħfsu HAWN.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI