Mumenti – Il-Proġett Fejn Ġenerazzjonijiet Differenti Ta’ Membri Tal-Azzjoni Kattolika, Jingħataw L-Opportunità Li Jiltaqgħu Flimkien

Mumenti huwa proġett li għaddej bħalissa fl-Azzjoni Kattolika Maltija u huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-fondi The Right to Culture. Dan il-proġett beda fi Frar li għadda u se jibqa’ għaddej sa Frar li ġej. L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jinħolqu serje ta’ mumenti fejn ġenerazzjonijiet differenti ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika, jingħataw l-opportunità li jiltaqgħu flimkien u jesperjenzaw esperjenzi kreattivi flimkien.

Dawn il-mumenti qed iservu ukoll ta’ spazju fejn l-anzjani, adulti u ż-żgħażagħ qed jiddjalogaw waqt li jieħdu gost flimkien. S’issa ġew organizzati 3 ħarġiet kulturali fil-Belt, fir-Rabat u fl-Imdina, u fi 8 ċentri differenti madwar Malta ttellgħu 3 workshops tal-arti, 3 workshops tal-mużika, workshop taż-żfin, workshop tad-drama u 5 workshops tal-kitba kreattiva. Dawn il-workshops setgħu isiru biss permezz ta’ numru ta’ artisti kreattivi li ppreparaw u mexxew dawn il-workshops b’parteċipanti minn ġenerazzjonijiet differenti li żgur mhix xi ħaġa faċli.





Fil-workshops tal-arti, l-artist Ian Stilon, stieden lill-parteċipanti jivviżwalizzaw u jiddiskutu l-isfidi li jiffaċjaw u jaħsbu fl-affarijiet pożittivi li jgħinuhom jegħlbuhom. L-anzjani u ż-żgħażagħ imbagħad flimkien penġew dak li ddiskutew permezz tal-materjal provdut, u fl-aħħar qassmuhom mal-parteċipanti l-oħra. Fil-workshops tal-mużika, l-mużiċist Banjo Rancho pprovda t-tnabar u strumenti oħrajn biex il-parteċipanti jkunu jistgħu joħolqu ritmu u armonija sabiħa flimkien minkejja d-differenza kbira fl-età. Fil-workshop taż-żfin, iż-żeffiena Sarah Vella għenet lill-parteċipanti żgħażagħ u anzjani biex jinsew l-inibizzjonijiet, jinsew il-mistħija u jiksbu sens ta’ libertà biex jesprimu lilhom infushom permezz tal-moviment. Fil-workshop tad-drama, l-attur Nicky Gambin għen liż-żgħażagħ u l-anzjani jibnu konnessjoni flimkien billi jirreċtaw sitwazzjonijiet differenti flimkien. Permezz tal-workshops tal-kitba l-parteċipanti kellhom iċ-ċans jiddiskutu kitbiet kreattivi ta’ kittieba Maltin li pprepara għalihom Kit Azzopardi. Wara dan il-workshop il-parteċipanti żgħażagħ u anzjani issa qed jikkorespondu flimkien bħala penfriends billi jibagħtu l-postcards li xulxin.

Il-kummenti tal-persuni li pparteċipaw f’xi workshop jew f’xi ħarġa kulturali f’dawn l-aħħar xhur kienu pożittivi immens. Ninette Borg Grech, ex-President tal-AKM li għandha 88 sena, pparteċipat fil-workshop tal-arti fl-Iklin u semmiet kemm il-workshop kien esperjenza sabiħa fejn iż-żgħażagħ esprimew b’mod verbali u artistiku l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, iżda kif min-negattiv huma mxew lejn il-pożittiv u b’ħarsa lejn it-tama li ssostnihom fil-mumenti diffiċli. Fil-grupp li kienet hi, il-battuti ta’ umoriżmu u nbix bejniethom ma naqsux!



Mary Micallef, mara ta’ 85 sena membru tal-Fergħa Adulti f’Ħal Tarxien baqgħet impressjonata meta rat l-enerġija onesta u l-ferħ li kellhom iż-żgħażagħ. Il-workshop kien tad-drama u l-anzjani ħassewhom aċċettati miż-żgħażagħ u komplew ħafna magħhom. Tistqarr li hi xi ftit riservata f’dawn l-attivitajiet, però ħadet ħafna gost. Violet u Joe Zammit, koppja adulti membri tal-Fergħa Adulti f’Ħal Balzan qalu li l-workshop tal-arti kien esperjenza sabiħa u ġdida għalihom fejn qasmu l-ideat tagħhom ma’ dawk taż-żgħażagħ u li magħhom ħassewhom f’sintonija. Apprezzaw ħafna l-ferħ, l-entużjażmu u l-ġenwinità tal-membri taż-ŻAK. 

Joyce Pullicino, ex-President tal-AKM ta’ 81 sena kienet grata ħafna li ġiet mistiedna għall-workshop tal-arti. Semmiet kif il-metoloġija kienet innovattiva u l-artist li mexxa kien eċċellenti. Hi taħseb li t-taħlita tal-etajiet fil-workshops ħadmet sew u li l-parteċipanti kollha kienu aċċettati, mismugħa u kellhom opportunitajiet indaqs biex jesprimu lilhom infushom. Semmiet kif minkejja d-differenza tal-etajiet kien hemm qbil dwar il-valuri li qassmu ma’ xulxin u li kulħadd kellu spirtu ferrieħi.

Mary Rose Borg, membru tal-Fergħa Adulti f’Ħaż-Żebbuġ ta’ 67 sena attendiet għall-workshop taż-żfin ġewwa s-Siġġiewi. Għalkemm mhix intiża fuq iż-żfin, permezz tal-artista li mexxiet il-workshop, ħassietha vera faċli. Id-differenza tal-età ma nħassitx, anzi kienu grupp sabiħ u l-esperjenza kienet vera sabiħa u pjaċevoli. Membru ieħor ta’ 76 sena mill-Fergħa Adulti f’Ħaż-Żebbuġ Carmela Fenech qalet li kienet l-ewwel esperjenza tagħha ta’ din ix-xorta li għallmitha kemm hu faċli li tintegra ma’ żgħażagħ u anzjani oħrajn. Laqtitha l-kreattività bil-mod ta’ kif l-attività ġiet organizzata, li li kienet addata ħafna għalihom. Il-ħeġġa taż-żgħażagħ imlietha bil-ferħ li s-soltu tħoss anki meta tkun ma’ sħabha l-membri tal-Azzjoni Kattolika. Ħassietha tajba ma’ kulħadd anki ma’ nies li qatt ma ltaqgħet magħhom qabel.

Maria Zammit leader ta’ ŻAK Siġġiewi ddeskriviet kif il-ħarġa kulturali kienet qisha ħarġa tal-iskola mal-istudenti tagħha, imma kif f’din rat kif ħadu ħsieb lil xulxin u s-sens ta’ fraternità. Semmiet kif tgħallmet ħafna kemm fuq l-istorja tal-post kif ukoll xi fun facts imma tgħallmet ħafna mill-oħrajn, permezz tal-mistoqsijiet li bdew jistaqsu imma wkoll mill-esperjenza li qasmu ma’ xulxin, pereżempju kif l-anzjani jiftakru l-Palazz tal-Gran Mastru jintuża bħala uffiċini u kienu jgħaddu jimxu mill-bitħa. Meta kienu fil-Knisja tal-Griegi fehmu iktar is-simboliżmu li jintuża. Kienet kuntenta li kellhom l-opportunità jqattgħu l-ħin flimkien u saret taf nies ġodda, għax mhux normali li jitħalltu sezzjonijiet differenti tal-Azzjoni Kattolika flimkien. Maria temmen li l-proġett Mumenti huwa esperiment ħelu ħafna u ta’ benefiċċju kbir għax jikkomplimenta l-ġenerazzjonijiet differenti u li permezz tiegħu qed issib ħin biex tieqaf, titgħallmu u tapprezza l-wirt kulturali u anke dak familjari li ħallew ta’ qabilna.

Isabel Micallef, leader f’ŻAK Ħal Tarxien irrakkontat kif il-ħarġa kulturali kienet esperjenza effettiva ħafna għaliha, speċjalment iż-żjara fil-knisja tal-Griegi. Kienet l-ewwel darba tagħha li marret hemm. Apprezzat ħafna li Papas Martin qagħad jispjegalhom l-istorja kollha ta’ minn fejn bdew il-Griegi Kattoliċi u x’jiddistingwihom minna l-Kattoliċi Rumani. Ħadet gost ħafna wkoll tara l-interess tal-membri l-oħra li attendew, kemm żgħar u kemm kbar. Isabel semmiet kemmh u sabiħ li jkollhom mumenti flimkien fejn fihom anke jistgħu jitgħallmu mingħand xulxin. Hi tħoss li kulħadd ħa gost u kien mument fejn anke setgħu japprezzaw flimkien l-istorja tagħna l-Maltin.

Mary Anne Muscat, mara ta’ 65 li hija ukoll Viċi-President preżenti tal-AKM qalet li l-ħarġa fil-Kon-Katidral ma kinitx waħda tas-soltu. Minkejja li kien hemm uħud li żaru dal-post diversi drabi, qatt ma kienet bħala grupp intergenerazzjonali u qatt bil-gwida mill-organizzazzjoni Pietre Vive (ġebel ħaj). Permezz tagħhom huma tgħallmu kif kull pittura hija mimlija simboliżmu u l-gwida bdiet tinkoraġġihom jinnottaw dettalji li jwasslu messaġġi profondi bi sfond Nisrani. Permezz ta’ dan il-proġett Mary Anne esperjenzat il-Kon-Katidral bħala post importanti nisrani u mhux biss bħala mużew tal-arti.

Il-pass li jmiss se jkompli wara s-sajf u se jinvolvi l-produzzjoni ta’ 3 podcasts. Grupp żgħir ta’ żgħażagħ se jkunu qed jirċievu training biex jiksbu ħiliet biex jitkellmu fuq il-media, kif jippreparaw il-mistoqsijiet li jistgħu isaqsu, kif ukoll tips ta’ kif jintervistaw lill-mistednin li se jkollhom fil-podcasts. Fil-podcasts mistenni li se jkunu mistiedna persuni minn ġenerazjonijiet differenti li fl-esperjenza tagħhom jistgħu jirrakontaw kif l-Azzjoni Kattolika kellha impatt fuq ix-xena kulturali u soċjo-politika ta’ pajjiżna.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI