Nhar it-Tlieta 10 ta’ Frar, il-Pawlini jistiednu lill-poplu Malti biex jingħaqad fil-kapitali għall-festa tant għal qalbna li tfakkar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Din il-festa, magħrufa wkoll bħala Il-Festa tal-Maltin, tfakkar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta wara n-nawfraġju tiegħu fis-sena 60 W.K., ġrajja li bidlet għal dejjem l-istorja spiritwali tal-gżejjer tagħna.
Il-programm tal-ġurnata se jibda fid-9.30am b’ Quddiesa Pontifikali mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, ċelebrazzjoni solenni li tiġbor flimkien numru kbir ta’ devoti. Imbagħad, fis-1.00 pm se jkun qed isir marċ tradizzjonali u popolari mis-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette – A.D. 1874, li se jżid l-atmosfera festiva fit-toroq tal-kapitali.
Aktar tard, fil-5.30pm, se toħroġ il-Purċissjoni Sinodali bil-vara ta’ San Pawl u r-Relikwija tad-Driegħ Mirakoluż, mument ta’ fidi u devozzjoni għar-reliġjon Nisranija. Il-ġurnata tintemm fid-9.30pm bid-dħul tal-purċissjoni, segwit mill-Antifona, l-Innu u l-Barka Sagramentali.
Din il-festa tibqa’ simbolu qawwi tal-identità reliġjuża u storika Maltija u kull sena tattira eluf ta’ nies li jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw. Il-Pawlini jistiednu lill-poplu Malti kollu biex ikun preżenti u jagħmel parti minn din il-ġurnata tant speċjali.
Facebook/ Għaqda tal-Pawlini, A.D