Intervistat mill-preżentatriċi Maria La Barokka waqt il-programm Ras Imb Ras, l-attivist żagħżugħ Jacob Callus esprima x-xewqa tiegħu li jara iżjed persuni b’diżabbiltà involuti fil-politika. Hu fisser kif jixtieq li fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, persuni b’diżabbiltà jkollhom ir-rappreżentanza tagħhom sabiex huma wkoll jiddeċiedu l-futur ta’ pajjiżna.
Jacob tkellem ukoll dwar it-traġitt tiegħu bħala żagħżugħ li hu fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Fisser kif filwaqt li llum il-ġurnata hu żagħżugħ kunfidenti li dejjem iżomm ruħu attiv, fil-passat kellu jaffaċja l-isfidi tiegħu għaliex stqarr li kien bil-wisq iżjed mistħi u ma kienx għadu għaraf daqstant il-ħiliet, it-talenti u l-passjonijiet tiegħu.
Fis-snin riċenti, Jacob iddedika ruħu sabiex bħala attivist jaħdem bil-għan li jtejjeb il-qagħda ta’ bosta persuni oħrajn li bħalu ta’ kuljum jaffaċjaw l-isfidi ta’ xi diżabbiltà. Tkellem dwar kif bil-ħidma tiegħu jara kif pajjiżna jista’ jkompli miexi ‘l quddiem sabiex jegħleb iżjed sfidi li persuni b’diżabbiltà għadhom jaffaċjaw ta’ kuljum.
Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa billi tidħol hawnhekk.
Prosit tassew, Jacob!
Facebook / Jacob Callus