Naf li għadu kmieni imma ħsibt x’ħa tagħmel fis-sajf? Dan huwa żmien li studenti u ħaddiema li jkunu bil-vaganzi fis-sajf jibdew jaħsbu biex japplikaw għal xogħol biex b’hekk jimlew il-ħin liberu li jkollhom fis-sajf. Bħalissa, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) qed taċċetta applikazzjonijiet mingħand persuni interessati li jkunu parti mit-tim ta’ ħaddiema għal Skolasajf 2026.

L-FES hija entità fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni li kull sena torganizza Skolasajf għat-tfal madwar Malta u Għawdex kemm fl-iskejjel tal-gvern kif ukoll fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa. Matul id-disgħa ġimgħat tas-sajf, it-tfal ikollhom l-opportunità jieħdu sehem f’attivitajiet differenti fosthom sport, ħarġiet barra miċ-ċentru, u inizjattivi li jsiru fiċ-ċentru minn għaqdiet differenti. Biex dan ikun possibbli hemm bżonn il-kontribut ta’ diversi ħaddiema fosthom Playworkers, Child Support Workers, Sports Playworkers, u Playworkers Performing Arts. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll ħaddiema li jieħdu ħsieb fit-tmexxija taċ-ċentri bħal Playworkers with Extra Responsibility, Centre Coordinators u Regional Coordinators.
Li taħdem ma’ Skolasajf m’huwiex biss impjieg iżda esperjenza sħiħa mimlija enerġija, kreattività u memorji sbieħ. Hija opportunità li taħdem dirett mat-tfal f’ambjent sigur u stimulanti, u f’tim ta’ ħaddiema li flimkien imexxu ċ-ċentru tul il-proġett ta’ Skolasajf. Hija esperjenza li tgħin lil ħaddiema jiżviluppaw ħiliet professjonali u soċjali, u jkunu parti mill-vjaġġ tal-FES, li din is-sena qiegħda tiċċelebra 25 sena ta’ ħidma fost it-tfal u fost il-komunitajiet madwar Malta u Għawdex.
25 sena li fihom l-FES rat tiġdid u żvilupp tas-servizzi tagħha li llum jaqdu ‘l fuq minn 13,000 familja.
Għal aktar informazzjoni dwar il-ħidma mal-FES fit-tim ta’ Skolasajf, żur dan is-sit u ara liema xogħol jgħodd għalik: https://fes.gov.mt/open-vacancies/