Pass Deċiżiv Kontra L-Vjolenza Domestika – L-Għajnuna Tiżdied Permezz Tat-Tielet Hub Li Jiftaħ Fl-Imtarfa

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri bl-involviment tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi Rebecca Buttigieg, ħabbru li ġie inawgurat it-tielet hub f’Malta biex jassisti vittmi ta’ vjolenza domestika, din id-darba ġewwa l-Imtarfa. Dan huwa pass ieħor importanti lejn sistema ta’ appoġġ aktar umana, professjonali u ffukata fuq il-vittma.

F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, il-Ministru spjega kif f’dawn l-aħħar snin sar tibdil profond fil-mod kif il-każijiet ta’ vjolenza domestika qed jiġu indirizzati mill-awtoritajiet. Huwa fakkar kif darba kien hemm sitwazzjoni fejn kollox kien jaqa’ fuq spallejn uffiċjal wieħed f’għassa tal-pulizija, filwaqt li llum il-ġurnata l-pajjiż għandu skwadra speċjalizzata u professjonisti mħarrġa li jaħdmu minn hubs mifruxa madwar Malta.



Din il-bidla, skont il-Ministru, tfisser li l-vittmi m’għadhomx waħedhom u li qed jingħataw għajnuna aktar sensittiva, sigura u koordinata. Permezz ta’ dawn il-hubs, il-vittmi jistgħu jsibu ambjent iktar adattat fejn jitkellmu, jinstemgħu u jingħataw l-appoġġ meħtieġ mingħand diversi professjonisti.



Minn naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kitbet, “Dan il-hub fl-Imtarfa huwa xhieda ċara tal-impenn tal-Gvern li jressaq is-servizzi eqreb lejn il-komunitajiet, jipprovdi spazji siguri u dinjitużi għall-vittmi u jsaħħaħ rispons koordinat bejn il-pulizija, il-ħaddiema soċjali u l-aġenziji kollha involuti. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nibdlu l-istatistika f’azzjoni u nagħmlu l-ħolma ta’ futur mingħajr vjolenza realtà tanġibbli.”.



L-inizjattiva hija frott ħidma kontinwa bejn il-Korp tal-Pulizija u servizzi oħra ta’ appoġġ, bl-għan li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika tkun aktar effettiva u ċċentrata fuq id-dinjità u s-sigurtà tal-persuni affettwati.

Bit-tielet hub fl-Imtarfa, Malta qed tkompli ssaħħaħ in-netwerk ta’ servizzi li joffru kenn, gwida u tama lil dawk li jgħaddu minn esperjenzi diffiċli, u tibgħat messaġġ ċar biex in-nies ikollha vuċi u tfittex l-għajnuna meħtieġa.

Ritratti:

Facebook/ Byron Camilleri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI