F’Malta mill-bieraħ, saru disponibbli bla ħlas żewġ mediċini importanti fil-prevenzjoni tal-HIV – il-PEP u l-PrEP – bħala parti minn strateġija usa’ ta’ saħħa pubblika li tiffoka fuq prevenzjoni, aċċess ugwali għall-kura u tnaqqis fit-trażmissjoni tal-virus.
Malta tinsab allinjata mal-miri internazzjonali biex l-HIV u l-AIDS jintemmu bħala theddida għas-saħħa pubblika sal-2030. F’dan il-kuntest, diġà hemm aċċess għal kura speċjalizzata u mediċini aġġornati għal persuni li jgħixu bl-HIV, li jippermettulhom jilħqu soppressjoni virali u jgħixu ħajja normali u b’saħħitha. Dan l-approċċ, magħruf bħala “Treatment as Prevention”, inaqqas ukoll ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virus fil-komunità.
X’inhi l-PEP?
Il-PEP (post-exposure prophylaxis) hija kura preventiva li tingħata wara espożizzjoni potenzjali għall-HIV. Din il-mediċina trid tinbeda kemm jista’ jkun malajr wara l-espożizzjoni, idealment fi żmien 72 siegħa.
Il-PEP issa hija disponibbli bla ħlas għal kull tip ta’ espożizzjoni possibbli, inklużi:
- espożizzjonijiet sesswali konsenswali,
- espożizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol,
- jew kwalunkwe sitwazzjoni oħra fejn ikun hemm riskju ta’ kuntatt mal-HIV.
Qabel, l-aċċess għall-PEP kien limitat għal ċirkostanzi speċifiċi, iżda l-kriterji issa ġew estiżi biex ikunu aktar inklussivi.
X’inhi l-PrEP?
Il-PrEP (pre-exposure prophylaxis) hija mediċina preventiva li tittieħed qabel espożizzjoni possibbli għall-HIV. Hija indikata għal persuni jew gruppi li jistgħu jkunu f’riskju ogħla jew f’riskju potenzjali ta’ infezzjoni, skont linji gwida internazzjonali.
Biex wieħed ikollu aċċess għall-PrEP bla ħlas, ikun meħtieġ jagħmel appuntament fil-klinika tal-GU f’Malta jew f’Għawdex, fejn isir assessjar minn speċjalista biex jiġi stabbilit jekk il-PrEP hijiex adattata għal dak il-każ partikolari.
Kif u fejn tista’ titlob għajnuna?
Persuni li jemmnu li setgħu ġew esposti għall-HIV huma mħeġġa:
- jikkuntattjaw professjonisti fil-kura tas-saħħa fil-klinika tal-GU matul il-ħinijiet tal-klinika,
- jew jattendu wieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa Primarja jekk l-espożizzjoni kienet sesswali.
F’każijiet ta’ stupru, huwa rakkomandat li wieħed imur direttament fid-Dipartiment tal-Emerġenza, filwaqt li espożizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu indirizzati lill-Infection Control Unit tas-servizz tas-saħħa relevanti.
Aktar informazzjoni dwar il-PEP, il-PrEP u s-saħħa sesswali hija disponibbli fuq www.sexualhealth.gov.mt.