“Privileġġ Li Nsir L-Ewwel Membru Parlamentari Fil-Gvern Li Qatt Kellu Għargħur.” – L-MP Mariah Meli

L-Membru Parlamentari eletta ġdida Mariah Meli ddeskriviet l-elezzjoni tagħha fil-Parlament bħala “unur kbir”, filwaqt li enfasizzat li din iġġib magħha responsabbiltà li se ġġorr b’impenn u serjetà. F’messaġġ ta’ ringrazzjament wara l-elezzjoni tagħha, Meli esprimiet il-gratitudni tagħha lejn dawk kollha li fdawha bil-vot tagħhom, u qalet li kull vot li rċeviet huwa turija ta’ fiduċja li tapprezza immens.

“Grazzi lil kull min fetaħli l-bieb ta’ daru, sema’ l-messaġġ tiegħi, qasam il-ħsibijiet tiegħu miegħi u għażel li jafdani biex inkun il-vuċi tiegħu,” sostniet. Madankollu, kienet dikjarazzjoni partikolari li spikkat fil-messaġġ tagħha, hekk kif Meli qalet li l-elezzjoni tagħha għandha tifsira speċjali minħabba li tatha l-privileġġ li ssir l-ewwel Membru Parlamentari fil-Gvern li qatt kellu Għargħur.



“Dan huwa unur mhux biss għalija, iżda wkoll għall-komunità kollha Għargħurija,” qalet. Meli rringrazzjat ukoll lill-familja tagħha għall-appoġġ, is-sagrifiċċji u l-inkoraġġiment li tawha matul il-kampanja elettorali, filwaqt li qalet li mingħajrhom dan il-mument ma kienx ikun possibbli.



Hija żiedet li matul il-mixja politika tagħha kellha l-opportunità tiltaqa’ ma’ bosta persuni li qasmu magħha l-aspirazzjonijiet, it-tħassib u t-tamiet tagħhom għal futur aħjar. L-MP eletta wegħdet li se tkompli taħdem sabiex twassal il-leħen taċ-ċittadini fil-Parlament u żżomm l-interessi tagħhom fil-qalba tal-ħidma tagħha.

“L-elezzjoni tista’ tkun spiċċat, iżda l-ħidma issa tibda tassew,” sostniet, filwaqt li wegħdet li tibqa’ viċin in-nies, disponibbli biex tisma’, tgħin u taħdem favur il-komunitajiet u l-pajjiż kollu. Meli temmet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjat lil dawk kollha li emmnu fiha u qalet li flimkien jistgħu jkomplu jibnu futur aħjar ibbażat fuq il-ħidma, il-ġustizzja u l-opportunitajiet għal kulħadd.



Ritratti:

Facebook / Mariah Meli

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI