Illum jaħbat jum fejn għalkemm kien hemm żmien meta kienet tiċċelebrah ma’ missierha, illum Nakita Grima tħoss għafsa ta’ qalb li diffiċli titneħħa.
“Qaluli li ż-żmien itaffi. Nibqa’ naħseb kif l-affarijiet għad jerġgħu jiġu għal li kienu. Imma r-risposta tiegħi hi qatt” tikteb Nakita fil-messaġġ li ddedikat lil missierha. Għal Nakita ż-żmien mingħajr dak li għal 25 sena kien eroj, blata soda u l-ewwel imħabba tagħha, dejjem qed isir aktar difficli.
Issemmi fost l-isbaħ karatteristiċi li kellu fosthom it-tbissima, iċ-ċajt li kien joħroġ bih, il-ħin li kien iqatta’ magħha u l-memorji indimentikabbli. “Missier, għadni qed nittama li xi darba nerġgħu niltaqgħu, nitgħannqu u naqbdu ma’ xulxin bħal ma dejjem konna nagħmlu”.
Nakita, kif għidt int missierek huwa anġlu fis-sema li qed iħarrsek kull ħin. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien ċerti li ser tibqa’ tagħmlu kburi b’dak kollu li tikseb. Kuraġġ għażiża – nissimpatizzaw miegħek f’dawn il-mumenti.