“Qed Inqatta’ Għeluq Snini B’Mod Ftit Differenti Din Is-Sena.” – Kevin Paul

F’għeluq sninu, Kevin Paul għażel li jqatta’ l-ġurnata b’mod kemxejn differenti. Hu qiegħed fuq vaganza fit-Tajlanda u fuq il-mezzi soċjali tiegħu qasam messaġġ ta’ riflessjoni u gratitudni, messaġġ li laqat qalb ħafna minn dawk li jsegwuh.

Fost il-ħsibijiet tiegħu, Kevin Paul enfasizza kemm hu grat għall-aktar affarijiet bażiċi iżda essenzjali fil-ħajja: is-saħħa u l-privileġġ li jqum kuljum, l-ikel, l-ilma u post sigur fejn jorqod. Affarijiet li, kif stqarr hu stess, qatt ma jixtieq joħodhom ovvja.

Il-familja tidher waħda mill-pilastri ewlenin fil-ħajja tiegħu, flimkien mas-sieħba tiegħu, li ddeskrivieha bħala sors kostanti ta’ mħabba u appoġġ. Ma naqasx ukoll milli jsemmi l-ħbieb li dejjem ikunu hemm: dawk li jiċċelebraw miegħu, jikkuntattjawh, u saħansitra jibku miegħu fil-mumenti diffiċli.



Kevin Paul irringrazzja wkoll l-appoġġ li jirċievi f’kull forma, kemm dak li jidher kif ukoll dak li ma jidhirx filwaqt li rrikonoxxa l-lezzjonijiet li l-ħajja ġabitlu magħha, anke dawk li ma rahomx ġejjin imma li kellu bżonnhom biex jikber bħala persuna.



F’messaġġ ta’ umiltà, huwa rringrazzja lin-nies kollha li ħadem magħhom matul din is-sena, speċjalment dawk li emmnu fih anke meta hu stess ma kienx ċert. Huwa talab skuża wkoll lil kull min seta’ weġġa’ jew ddiżappunta bla ma ried, waqt li rringrazzja lil dawk li qasam magħhom mumenti sbieħ u memorji li jibqgħu miegħu.

Bħala artist, Kevin Paul esprima kemm ifisser għalih il-fatt li n-nies jafdawh u l-mużika tiegħu għall-avvenimenti u okkażjonijiet speċjali tagħhom, u kemm hu grat li jista’ jagħmel dak li jħobb u jaqsmu ma’ oħrajn.

Fl-aħħar nett, il-messaġġ tiegħu jagħlaq b’sens ta’ tama u determinazzjoni, sena oħra bħala opportunità ġdida biex ikun persuna aħjar, jibqa’ miexi ’l quddiem, jikber u “jkun hemm” b’mod iktar sħiħ fil-ħajja tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru.

Messaġġ sempliċi, sinċier u uman, li jfakkar li kultant l-akbar ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin tkun ir-riflessjoni u l-gratitudni.



Ritratti:

Facebook / Kevin Paul

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI