Rockestra 2026 Se Tfakkar Lil Maestro Aurelio Belli B’What A Wonderful World – Edizzjoni Mimlija Emozzjoni!

Rockestra 2026 se tkun edizzjoni tassew speċjali u mimlija emozzjoni hekk kif din is-sena l-avveniment se jagħti ġieħ lill-mibki Maestro Aurelio Belli, li għal snin sħaħ ta l-passjoni, it-talent u l-ħidma tiegħu lil dan l-avveniment mużikali tant maħbub.

Rockestra, li tittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund, se ssir is-Sibt 26 ta’ Settembru u se jkollha bħala tema What a Wonderful World. Din kienet il-kanzunetta favorita ta’ Aurelio Belli u għalhekk intgħażlet bħala mod xieraq kif jiġu ċċelebrati ħajtu u l-wirt mużikali li ħalla warajh.

Il-familja ta’ Belli se tkun parti importanti minn din is-serata, fosthom martu Gloriana Arpa Belli, li se tkun waħda mill-artisti li se jagħtu sehemhom. Din is-sena se jingħaqdu wkoll tliet diretturi mużikali li lkoll ħadmu ma’ Belli tul is-snin – Daniel Cauchi, Kevin Abela u Aleandro Spiteri Monsigneur. Flimkien se jmexxu lill-mużiċisti u lill-artisti akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Fost l-artisti li se naraw fuq il-palk insibu lil Ira Losco, Ivan Grech, Kenneth Calleja, Janice Debattista, Chris Grech, Pamela Bezzina, Martina Borg u Gloriana Arpa Belli. Għal din l-okkażjoni speċjali se jerġa’ jingħaqad ukoll il-grupp Animae, filwaqt li matul il-kunċert se jindaqqu diversi kanzunetti b’arranġamenti li kien ħoloq Aurelio Belli stess.

Rockestra 2026 għalhekk mistennija tkun ferm aktar minn kunċert. Se tkun ċelebrazzjoni tal-ħajja, tal-mużika u tal-memorji li Belli rnexxielu joħloq permezz ta’ dan l-avveniment matul is-snin. Bħala parti mill-ġieħ se tittella’ wkoll wirja ġdida ta’ fotografija, b’ritratti minn edizzjonijiet passati ta’ Rockestra li se jfakkru l-istorja u l-mumenti memorabbli ta’ dan l-avveniment.

Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ minn showshappening.com, filwaqt li sal-aħħar ta’ Awwissu hemm ukoll offerta Early Bird fejn wieħed jista’ jixtri erba’ biljetti bil-prezz ta’ tlieta. Se jirritorna wkoll ir-Rockestra After Party f’UNO Malta, bl-attività tkun ukoll b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Intom se tkunu hemm għal Rockestra 2026?

Ritratti:

Facebook / Rockestra

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI