Il-pillola Thalidomide kienet tintuża fis-snin sittin min-nisa tqal, l-aktar biex tittaffa t-tqalligħ ta’ stonku magħruf bħala morning sickness.
Din il-mediċina kienet ġiet żviluppata minn kumpanija Ġermaniża f’nofs is-snin ħamsin u bdiet tiġi prodotta wkoll fir-Renju Unit fl-1958.
Minkejja li fl-1961 ġiet ikkundannata internazzjonalment minħabba l-effetti serji tagħha fuq it-trabi, f’Malta baqgħet disponibbli sal-1968.
S’issa, il-Gvern ikkumpensa 29 persuna li huma vittmi ta’ din il-pillola u li għadhom ħajjin. Dawn l-individwi għaddew minn proċess rigoruż ta’ screening u assessjar fiżiku minn esperti mediċi.
L-assessjar iddetermina l-perċentwal ta’ diżabilità sofruta, li fuqu ġie kkalkulat l-ammont ta’ kumpens skont formula stabbilita apposta.
Il-vittmi diġà rċevew żewġ pagamenti u huma mistennija jirċievu t-tielet u l-aħħar ħlas aktar tard matul din is-sena.
Il-Gvern qed jerġa’ jiftaħ sejħa għal persuni b’diżabilità li jaħsbu li huma vittmi tal-pillola Thalidomide u li, għal xi raġuni, ma kinux applikaw fis-sejħa preċedenti.
Dawn il-persuni huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-email strategysupport.miv@gov.mt sa mhux aktar tard mit-Tnejn 2 ta’ Marzu 2026.
Applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data mhux se jiġu kkunsidrati.
Youtube/ University of Aberdeen