"Sirna Poplu Li Jrid Jiġi Servut" – Sean Gravina B'Riflessjoni Wara Mawra Fi Sqallija!

Ftit tal-ħin ilu, il-kok u l-imprenditur Malti Sean Gravina għamel ftit jiem fil-parti tat-Tramuntana ta’ Sqallija. Esperjenza sempliċi iżda sabiħa, fejn jgħid li kien f’resort ġenwin, nies li jaħdmu b’passjoni, u bla ma jrid jistaqsi mistoqsijiet serji dwar fejn wasalna aħna bħala pajjiż.

Dak li spikka? Skont Sean, kull ħaddiem li ltaqa’ miegħu – il-ġardinier, il-waiters, saħansitra t-tindif fit-toroq – kienu kollha magħmulin minn Sqallin. Dan għaliex f’dawk iż-żoni ta’ Sqallija, ix-xogħol għadu limitat u għalhekk jiġu mogħtija lil nies mill-lokal. Meta wieħed iħares lejn Malta, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti: il-maġġoranza tax-xogħol fis-servizzi, fl-ospitalità, fil-kostruzzjoni u anke fl-indafa, qed isir minn barranin.

Skont Gravina, dan mhux minħabba l-pagi. Huwa rifless ta’ fejn wasalna bħala poplu: il-Malti ma jridx iservi aktar – irid jiġi servut. Mhux ġudizzju, iżda realtà. L-irwol tas-servizz sar xi ħaġa li ħafna Maltin jitbiegħdu minnha, waqt li jimmiraw għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija, sħubija jew sidien ta’ negozju.





Imma kull progress ġġib miegħu rigress ukoll. U dak li qed naraw illum hu żbilanċ serju fis-sistema tagħna, tibdil fl-identità soċjali, pressjoni fuq l-infrastruttura, u poplu li tilef ċertu konnessjoni mal-għeruq tiegħu.

Gravina jara wkoll differenza ċara fil-kwalità tat-turisti: f’Sqallija sab koppji, familji, nies ta’ kull età – nies edukati u rispettati. U ħafna minn dawn huma mill-istess pajjiżi li jiġu Malta: Amerikani, Ġermaniżi, Ingliżi, Irlandiżi. U xorta waħda, għażlu Sqallija.

Sean jirrifletti li jekk inħarsu lejn dak li qed noffru, irridu nistaqsu: għaliex turist għandu jagħżel lil Malta minflok Sqallija? Għaliex jagħżel ġenn, storbju, u toroq iffullati meta jista’ jkollu trankwillità, ikel frisk u kultura b’għeruq profondi ftit mili ’l bogħod?



Hu jistqarr li Malta għandha 4,500 restorant, eluf ta’ negozji, u kull ġurnata qed jinfetħu oħrajn. Dan qed iwassal għal oversaturation li qed tagħmel il-ħsara: iktar ħaddiema barranin, iktar traffiku, iktar stress, inqas spazju pubbliku, u identità li qed tintilef.

Gravina ma jipproponix soluzzjoni waħda. Imma jiftaħ il-konversazzjoni: x’jiġri kieku kellna numru ikkontrollat ta’ negozji, b’enfasi fuq il-kwalità mhux il-kwantità? F’sistema aktar sostenibbli, forsi xi Maltin jerġgħu jidħlu fil-qasam tas-servizz. Forsi jkollna toroq aktar nodfa, inqas pressjoni fuq ir-riżorsi, u pajjiż li nerġgħu nkunu kburin bih.

Il-problema mhijiex biss li m’għadniex niġbdu turiżmu ta’ kwalità. Il-problema hija strutturali – relatata man-numri, l-iżvilupp bla kontroll, u n-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul. U jekk nibqgħu niċċaqalqu b’miżuri superfiċjali u kampanji ta’ marketing, xejn ma se jinbidel.

Illum, Malta qed tinqabad f’immaġini ta’ destinazzjoni għall-parties. Ma hemm xejn ħażin f’dan – għandna nightlife b’saħħitha u popolari. Iżda għandna ħafna aktar minn hekk: storja, kultura, pajsaġġi, u kċina li qiegħda tevolvi b’mod eċċitanti. Imma jekk nibqgħu nimbuttaw narrazzjoni waħda biss, inkunu qed nintilfu.

Gravina jtemm b’messaġġ fejn jistqarr li għandna bżonn pjan nazzjonali ta’ għaxar snin. U l-verità hi li ħafna negozji llum mhux kompatibbli mal-bidla li għandna bżonn. Uħud iridu jbaxxu l-prezzijiet, oħrajn ibiddlu l-mudell kollu tagħhom.

F’kelma waħda: trid isir għażla. Jew nadattaw għat-tip ta’ turist li qed niġbdu, jew nerġgħu nibnu sistema li tattira t-tip ta’ turist li verament irridu. Għax kif sejrin issa, id-distakk bejn il-viżjoni u r-realtà qed jikber b’rata allarmanti.

Hemm bżonn ta’ bidla. Biss l-ewwel irridu nirriflettu, niftħu għajnejna, u nifhmu tassew min sirna. Biex inkunu nistgħu nerġgħu nkunu Malta li tkun ta’ min iżurha – u ta’ min jgħix fiha.

X’taħsbu dwar dan?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI