Is-Sibt li għadda, il-ġellied żagħżugħ Malti Skyler Bezzina kiseb waħda mill-akbar rebħiet tal-karriera tiegħu meta għeleb lill-Belġjan Lucas Hespel b’deċiżjoni unanima wara erba’ rawnds mimlija azzjoni f’Gladiators Fight Night 32, li saret fil-Montekristo Estates, is-Siġġiewi.

Għalkemm għandu biss 18-il sena, Skyler diġà qed juri li għandu futur fid-dinja tal-kickboxing. Huwa student dedikat tat-Team Noel Fight & Fitness, taħt il-gwida tal-Master Noel Mercieca, li ilu jmexxi diversi atleti Maltin għal suċċessi internazzjonali.
F’Novembru li għadda f’Ruma, Skyler kien diġà impressjona meta rebaħ it-Tournament XFC fil-kategorija tiegħu. Tul il-vjaġġ sportiv tiegħu rnexxielu jiġbor diversi unuri, iżda dan l-aħħar it-titlu Ewropew tal-WKN (World Kickboxing Network) jibqa’ wieħed mill-aktar prestiġjużi. Din ir-rebħa mhux biss tat spinta lill-profil tiegħu, iżda wkoll poġġiet ismu fuq BoxRec, u kkonfermat postu fuq il-palk internazzjonali fil-kickboxing.

It-talent, id-dixxiplina u l-impenn ta’ Skyler qed jiġu appoġġjati b’mod sħiħ mit-tim tiegħu u mill-kowċis professjonali li jaħdmu miegħu biex ikompli jitjieb. Issa, l-atleta żagħżugħ se jmur għal fażi oħra ta’ taħriġ intens hekk kif qed jipprepara għal rematch f’Jannar tal-2026 f’Katanja, sfida li għaliha huwa diġà lest biex jerġa’ juri l-livell għoli tiegħu.
Skyler Bezzina qed jikkonferma li huwa wieħed mill-aktar ġellieda li qed jagħmlu isem fil-pajjiż, u r-rebħiet tiegħu qed isaħħu dejjem aktar il-preżenza ta’ Malta fid-dinja tal-kickboxing.
