Il-politika m’għandhiex tkun sors ta’ mibegħda, iżda pjattaforma fejn id-differenzi jiġu diskussi b’rispett. Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal Clifford Galea permezz ta’ post li qasam fuq il-midja soċjali flimkien ma’ Marilena Gauci, li kkontestat elezzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista.
“Ħbieb antiki jibqgħu ħbieb,” kiteb Galea, hekk kif ippubblika ritratt meħud nhar il-Ħadd li għadda. Huwa spjega li l-ħbiberija tiegħu ma’ Gauci tmur lura għal żmien meta kienu fil-Perù flimkien mal-eks President ta’ Malta, George Abela.
“Mill-Perù (mal-President George Abela) bqajna ħbieb kbar sal-lum,” qal Galea, filwaqt li enfasizza kif ir-relazzjonijiet personali jistgħu jibqgħu b’saħħithom minkejja differenzi politiċi. Fil-messaġġ tiegħu, Galea saħaq ukoll fuq valur li jqis bħala essenzjali fil-ħajja pubblika. “Tagħlima oħra li l-politika tajba tiddiskuti d-differenzi u mhux tobgħodhom,” kiteb.
Il-post ġie milqugħ b’reazzjonijiet pożittivi minn diversi persuni, li faħħru l-messaġġ ta’ rispett reċiproku u l-importanza li l-politika tibqa’ mezz ta’ djalogu aktar milli ta’ diviżjoni.
Facebook / Clifford Galea