Tama Ġdida Wara Traġedja Tal-Waħx – Bla Rimors Ta’ Xejn, Rabathom Mal-Vann U Kaxkarhom Tul It-Triq

Sonya u Punam twieldu l-Pakistan f’familja fqira. F’età żgħira l-aħwa spiċċaw orfni, mhux għax il-ġenituri tagħhom mardu, imma għax sfaw maqtula brutalment! Kif mistenni fil-faqar, il-familja kellha problema tal-flus u flus biex iħallsu l-kera ma kellhomx. Wara li talbu lis-sid jagħtihom xahar ċans biex iħallsuh, stinkaw kemm felħu imma f’għeluq ix-xahar ma kienx irnexxielhom iġemmgħu biżżejjed għall-kera. Is-sid irrabja ħafna u xliehom li huma kriminali. Bla rimors ta’ xejn, rabathom mal-vann u kaxkarhom tul it-triq. Wara, hekk kif kienu agunija, ħaraqhom ħajjin f’forn fejn jaħmu l-briks.



 



B’xorti ħażina, huma ħafna t-tfal fil-Pakistan li jisfaw orfni u jkollhom ifendu għal rashom u jaraw kif jistgħu jgħixu bl-aħjar mod possibbli, bil-konsegwenza li jispiċċaw f’ħalq il-kriminalità, il-vizzji, il-prostituzzjoni u ta’ spiss f’riskju għal ħajjithom.

Sonya, li llum għandha 14-il sena u ħuha Punam ta’ 11-il sena, sabu lil nannuhom, li minkejja li hu armel u marid, laqagħhom għandu biex jagħmel tajjeb għalihom u jrabbihom mill-aħjar li jista’. It-tlieta li huma jgħixu f’kamra waħda, imma kuntenti li għandhom lil xulxin. Kien hawn li Missio Malta sema’ b’din l-istorja u daħal biex jgħin sew lin-nannu kif ukoll lill-aħwa jgħixu ħajjithom b’dinjità.

Illum Sonya u Punam qed jattendu l-iskola u qed jitgħallmu l-ħiliet bżonjużi biex la jikbru jkunu jistgħu jfendu għal rashom filwaqt li jsiru ċittadini indipendenti li kapaċi jgħinu lil ħaddieħor ukoll! Dan kollu grazzi għall-isponsorizzazzjoni mill-Maltin biex dawn it-tfal jingħataw opportunità ta’ edukazzjoni u futur sabiħ lejn xiex iħarsu.



Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil tfal oħra f’sitwazzjonijiet simili ta’ dawn iż-żewġt itfal imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lil tfal bħal Sonya u Punam ikollhom opportunità li jitgħallmu f’ambjent xieraq, fejn minbarra edukazzjoni jirċievu wkoll ilma nadif għax-xorb u ikla sustanzjuża kuljum.

Ftit taż-żmien wara li ssir l-isponsorizzazzjoni, jintbagħtu ritratt u dettalji ta’ tifla jew tifel li se tkun qed tiġi megħjuna, filwaqt li darbtejn fis-sena, għal għaxar snin, jibqgħu jintbagħtu ritratt riċenti tat-tifel jew tifla, ittra u/jew tpinġija mit-tfal stess u r-riżultat tal-assessjar tas-suġġetti li jitgħallmu l-iskola.

Jekk tixtieq tgħin tista’ tagħti donazzjoni billi tikkuntattja lil Missio Malta jew iżżur il-websajt: https://missio.org.mt/donate. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI