Tarbija tat-twelid instabet mormija f’basket tal-plastik f’landa taż-żibel fiċ-Ċentru tal-Indja. Skont il-pulizija ta’ Bhopal fl-istat ta’ Madhya Pradesh aktarx li l-ġenituri tat-tarbija rmewha għaliex ma kenitx tifel, imma tifla. It-tarbija ġiet salvata minn persuna li kienet għaddejja mill-inħawi u semgħet il-biki ġej minn landa taż-żibel qalb xi arbuxelli. It-tarbija nstabet li kienet tiżen ferm anqas mill-piż normali u kienet mimlija nemel li kkawżalha diversi gdim.
Dheeraj Rathore, li sab lit-tarbija sejjaħ minnufih lil żewġt iħbieb tiegħu u flimkien farfru minn fuqha n-nemel, geżwruha f’kutra u ħaduha fl-eqreb sptar. L-istaff tal-isptar jinsab imħasseb dwar it-tarbija li tinsab f’qagħda kritika minħabba li tiżen nofs il-piż ta’ tarbija normali tat-twelid u minħabba l-gdim tal-insetti u wkoll diversi tbenġil li jindika li kienet fiiżikament abbużata.

Il-pulizija fetħu każ u qegħdin ifittxu lill-ġenituri tat-tifla. Il-preferenza tas-subien fuq il-bniet hija kwistjoni serja f’ħafna partijiet fl-Indja. Dan minħabba li biex iżżewweġ tifla trid tagħtiha dota li tiswa l-flus u għax meta din tiżżewweġ ma tibqax tgħix mal-familja tagħha, imma tmur mal-familja tar-raġel u għalhekk ma tkunx tista’ ddur bil-ġenituri tagħha. Tradizzjonalment is-subien huma l-werrieta ta’ kull propjetà, negozju u kull ħaġa oħra li jkollha l-familja. Diversi difensuri favur l-ugwaljanza bejn is-sessi qed jagħmlu minn kollox biex jibdlu din it-tradizzjoni.
Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil tfal simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962.