Qatt ħsibt kemm hemm teżori moħbija fit-toroq ta’ madwarna, u li ħafna drabi ngħaddu minn ħdejhom mingħajr ma nagħtuhom kas? Bejn is-7 u t-12 ta’ April, Malta qed terġa’ tieħu sehem fl-European Craft Days, opportunità ideali biex tiskopri l-artiġjanat Malti minn perspettiva differenti.

Matul dawn il-jiem, diversi artiġjani madwar Malta u Għawdex qed jiftħu l-workshops tagħhom għall-pubbliku, u joffru esperjenza unika biex wieħed jara mill-qrib kif jinħolqu prodotti artiġjanali tradizzjonali u kontemporanji.
Minn dimostrazzjonijiet sa workshops interattivi, il-viżitaturi mhux biss jistgħu josservaw, iżda wkoll jipparteċipaw u jippruvaw joħolqu huma stess. Din is-sena, l-edizzjoni qed issir bit-tema “With Heart and Soul”, li tenfasizza l-passjoni, id-dedikazzjoni u t-trasmissjoni tal-għarfien minn ġenerazzjoni għal oħra.
Biex tippjana ż-żjara tiegħek b’mod aktar faċli, il-Malta Crafts Foundation ħolqot mappa online interattiva li turi fejn jinsabu l-artiġjani parteċipanti, flimkien ma’ dettalji dwar il-ħinijiet u l-attivitajiet offruti.
Kemm jekk qed tfittex attività differenti mal-familja, kif ukoll jekk trid tiskopri aktar dwar il-kreattività lokali, l-European Craft Days huma opportunità sabiħa biex tersaq eqreb lejn l-artiġjanat Malti u tiltaqa’ mal-artiġjani nfushom.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit uffiċjali tal-Malta Crafts Foundation jew segwihom fuq Facebook u Instagram.
Facebook / Malta Crafts Foundation