torja li tqanqal diskussjoni dwar l-inklużjoni fl-edukazzjoni qed titqajjem minn omm li qasmet l-esperjenza tagħha bħala ġenitur ta’ tifel ta’ disa’ snin b’diżabilità intelletwali.
L-omm spjegat kif binha ġie addottat mill-Indja u li mill-bidu kienu konxji mill-isfidi li kien ser jaffaċċja. “Qabel ma addottajnieh konna nafu li kien ser ikollu xi diffikultajiet fit-tgħalim minħabba twelid diffiċli u ċirkostanzi diffiċli fil-bidu tal-ħajja tiegħu,” qalet.
Hija spjegat li t-tifel ibati minn kundizzjoni magħrufa bħala encephalomalacia, li taffettwa l-moħħ, kif ukoll minn diżabilità intelletwali moderata u problemi tal-attenzjoni. “Apparti diżabilità intelletwali moderata għandu problema tal-attenzjoni,” żiedet, filwaqt li spjegat li għandu wkoll appoġġ fl-iskola, inkluż LSE one-to-one.
Madankollu, l-akbar tħassib tagħha bħalissa huwa relatat mas-sistema tal-eżamijiet. Skont hi, minn ftit snin ilu ma baqgħux isiru eżamijiet adattati għal tfal b’dawn il-ħtiġijiet. “Din kienet aħbar mhux sabiħa,” sostniet.
Għalkemm binha għamel progress, hija tenfasizza li hemm limiti reali. “Dan it-tifel qatt ma jista’ jilħaq il-livell ta’ sħabu,” qalet, u żiedet li tagħtih karta mainstream “ma tagħmel l-ebda sens u tmur anke kontra s-sens komun”.
L-omm tqajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-kunċett ta’ ugwaljanza fl-edukazzjoni. “X’ugwaljanza hi meta dan it-tifel ser joqgħod għal eżamijiet u ser ifalli miżerjament fihom?” staqsiet, filwaqt li esprimiet tħassib dwar l-effett fuq is-self-esteem tiegħu.
Hija tenfasizza d-differenza bejn ugwaljanza u ekwità, u targumenta li t-tfal għandhom jiġu assessjati skont il-livell tagħhom. “Tfal li huma statemented għandu jkollhom eżami għal-livell tagħhom li jirrifletti dak li jkunu tgħallmu matul is-sena u mhux ‘one size fits all’,” sostniet.
L-omm irrimarkat ukoll l-ironija fis-sistema edukattiva, fejn il-kurrikulu huwa diġà mqassam f’livelli differenti, iżda l-eżamijiet jibqgħu l-istess għal kulħadd. “Għala hemm kurrikulu livelli differenti jekk it-tfal kollha jingħataw l-istess karta mhux livellata?” staqsiet.
Hija qasmet ukoll l-esperjenza personali tagħha bħala persuna nieqsa mis-smigħ, fejn qalet li s-sistemi mhux dejjem ikunu inklużivi. “Naf sewwa kif is-sistemi mhix inklużiva u li nies b’diżabilità jiġu mwarrba,” qalet.
Fl-aħħar, hija appellat għal bidla fil-mod kif qed jitmexxa s-settur edukattiv. “Id-diskriminazzjoni hi meta persuna b’diżabilità ma tistax taċċessa opportunitajiet daqs ħaddieħor,” qalet, filwaqt li żiedet li tħossha ddiżappuntata li minkejja s-snin ta’ diskors dwar inklużjoni, “qatt ma kienu vera inklużivi.”